Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Naħdmu lkoll għall-għaqda tal-Knisja biex nissaħħu

Il-Ġimgħa 24, ta’ Ottubru 2014

 

Kull Nisrani għandu sejħa biex jaħdem għall-għaqda tal-Knisja.   L-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu żied jgħid li rridu nħallu lill-Ispirtu s-Santu jmexxina għax Hu jnissel l-għaqda fil-Knisja fid-diversità tal-membri tagħha.

 

Fl-ittra lill-Efesin, San Pawl jgħidilhom: jiena, priġinier, inħeġġiġkom biex tibnu l-għaqda fil-Knisja.  Il-Papa tnebbaħ minn din l-eżortazzjoni għall-omelija tiegħu.

Il-ħidma għall-għaqda fil-Knisja hija dmir ta’ kull Nisrani kif kien minn dejjem fl-istorja.  L-Appostlu Pietru, qal il-Qdusija Tiegħu Franġisku, jitkellem dwar tempju magħmul minn ġebel ħaj, jiġifieri aħna.  Dan hu l-maqlub ta’ tempju ieħor tas-suppervja, it-Torri ta’ Babel.  L-ewwel tempju jġib l-għaqda. l-ieħor hu simbolu tal-firda, tat-tifrik ,tan-nuqqas ta’ ftehim, tal-lingwi differenti.

 

Ix-xogħol ta’ kull Nisrani, ta’ kull wieħed u waħda minna hu, li jġib l-għaqda fil-Knisja, li jibni l-Knisja, dan it-tempju, din l-għaqda.  Meta jkun se jinbena tempju, palazz, infittxu l-ewwel il-post fejn nistgħu nibnu u nħejjuh għall-bini.

Imbagħad titqiegħed il-ġebla tal-pedament, il-ġebla tax-xewka tgħid il-Bibbja.  Il-ġebla tax-xewka tal-għaqda fil-Knisja  jew aħjar, il-ġebla tax-xewka tal-Knisja, huwa Ġesù u l-ġebla tax-xewka tal-għaqda fil-Knisja hija t-talba ta’ Ġesù waqt l-Aħħar Ċena: Missier ħa jkunu ħaġa waħda!  Din hija l-forza tagħha.

Ġesù, żied jgħid il-Papa, huwa l-ġebla li fuqha nibnu l-għaqda tal-Knsija. 

 

Mingħajr din il-ġebla ma nagħmlu xejn.  M’hemmx għaqda mingħajr il-pedament li hu Kristu, għax Hu jtina ċ-ċertezza.

Imma, staqsa l-Papa, min jagħmilha din l-għaqda?  Din l-għaqda hija ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Hu biss għandu l-qawwa li jġib l-għaqda fil-Knisja, li jgħinha tikber, issir aktar qawwija, issir waħda.

 

L-Ispirtu jnissel l-għaqda fil-Knisja bid-diversità tal-popli, tal-kulturi, tal-persuni.  Allura kif jinbena dan it-tempju, reġa’ staqsa l-Papa Franġisku?  Jekk l-Appostlu Pietru kien jgħid li aħna ġebel ħaj f’din il-binja, San Pawl iwissina biex ma nkunux tant ġebel imma knaten debboli.  Skont il-ħsieb uman, il-parir tal-Appostlu tal-Ġnus biex ikun hemm din l-għaqda hu l-parir ta’ djgħufija,.

 

Umiltà, ħlewwa, qalb kbira: huma kwalitajiet debboli għax l-umli jidher li donnu ma jiswa’ għal xejn, il-ħlewwa, il-manswetudni jidhru li ma jservu għal xejn; il-qalb kbira, qalb li tkun miftuħa għal kulħadd…….  Imbagħad jgħid aktar minn hekk: issaportu lil xulxin bl-imħabba.  Għalfejn dan?  Biex inħarsu l-għaqda  U b’hekk, aktar ma nkunu debboli b’dawn il-virtuwjiet tal-umlità, tal-qalb kbira, tal-ħlewwa, tal-manswetudni, aktar insiru ġebel sod f’dan it-tempju.

 

Din hi l-istess triq li mexa Ġesù, li sar dgħajjef sas-Salib u b’hekk sar qawwi u setgħan.  L-istess għandna nagħmlu aħna: il-kburija, li norbtu biss fuqna nfusna, ma jiswa’ għal xejn.  Meta ssir kostruzzjoni, żied jgħid il-Papa, jkun hemm bżonn li l-perit jagħmel il-pjanta.  U liema hi l-pjanta tal-għaqda tal-Knisja?

Hija t-tama li aħna lkoll imsejħin biex ikollna: it-tama li nimxu lejn il-Mulej, it-tama li nimxu fi Knisja ħajja, magħmula minn ġebel ħaj, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Hu biss fuq il-pjanta tat-tama  li aħna nistgħu nagħmlu passi ‘l quddiem lejn l-għaqda tal-Knisja.  Aħna għandna sejħa għal tama kbira.  Nimxu ‘l hemm! Imma bil-qawwa li ttina talba ta’ Ġesù għall-għaqda; bid-doċilità għall-Ispirtu s-Santu, li għandu ħila jibdel il-knaten f’ġebel ħaj, bit-tama li nsibu lill-Mulej li sejħilna u nsibuh meta tasal il-milja taż-żminijiet, temm jgħid il-Qdusija Tiegħu.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.