Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani ma jħabbarx lilu nnifsu iżda lill-Mulej.

It-Tlieta, 24 ta’ Ġunju 2014

 

In-Nisrani ma jħabbarx lilu nnifsu iżda lill-Mulej qal il-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu, fis-solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista.  Il-Papa spjega l-vokazzjoni ta’ dak li kien l-akbar fost il-profeti: ħejju, iddixxernu, iċċekknu.

 

Inħejju l-miġja tal-Mulej, niddixxernu min hu l-Mulej, niċċekknu biex jitkabbar il-Mulej.  Il-Papa Franġisku qal li f’dawn it-tliet verbi niġbru l-vokazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista, mudell dejjem attwali għal kull Nisrani.  Ġwanni, qal il-Papa, kien iħejji t-triq għal Ġesù mingħajr ma jżomm xejn għalih.

Kien bniedem importanti: in-nies kienet tfittxu, tmur warajh għax kliemu kien qawwi.  Kliemu kien jirfed il-qlub.  Minħabba f’dan, osserva l-Papa, forsi hu kellu t-tentazzjoni li jemmen kemm kien bniedem importanti, imma ma waqax f’din in-nassa.  Infatti, meta resqu lejh id-dutturi tal-liġi biex jistaqsuh jekk kienx hu l-Messija, Ġwanni wieġeb: Jiena leħen, leħen biss imma ġejt biex inħejji t-triq  għall-Mulej.

 

Din hi l-ewwel vokazzjoni tal-Battista, osserva l-Papa: Iħejji l-poplu, iħejji l-qalb tal-poplu biex jiltaqa’ mal-Mulej.  Imma l-Mulej min hu?

Din hija t-tieni vokazzjoni ta’ Ġwanni: id-dixxerniment, fost tant nies twajbin, dwar min kien il-Mulej.  L-Ispirtu rrivelalu dan u hu kellu l-kuraġġ jgħid: Dan hu.  Dan hu l-Ħaruf t’Alla, dak li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

 

Id-dixxipli ħarsu lejn dan il-bniedem li kien għaddej u ħallewh sejjer.  L-għada ġara l-istess: “Dak hu!  Dak akbar minni”.  Id-dixxipli marru warajH.  Meta kien qed iħejji l-poplu, Ġwanni kien jgħidilhom: Warajja ġej wieħed…… Fid-dixxerniment, kien jaf jiddixxerni u juri lill-Mulej.  “Hemm dan qabli……”!

 

It-tielet vokzzjoni ta’ Ġwanni, kompla l-Papa, hu li ċċekken.  Minn dak il-waqt, osserva l-Qdusija Tiegħu, ħajtu bdiet tinħeba, tiċkien biex jikber il-Mulej, baqa’ jiċċekken sa ma xejjen lilu nnifsu.  Hu jrid jikber, filwaqt li jien irrid niċċekken, warajja, quddiemi, bogħod minni”!

 

Din kienet l-aktar ħaġa diffiċli għal Ġwanni għax il-Mulej kellu stil li l-Battista ma kienx immaġinah, sal-punt li fil-ħabs, għax dak kien iż-żmien li fih kien il-ħabs, kien bata’ mhux biss id-dlam taċ-ċella imma wkoll id-dalma f’qalbu.  U jistqasi lilu nnifsu” Imma dan hu?  Forsi ħadt żball?

 

Għax il-Messija tant għandu stil sempliċi… li ma jinftihemx.  U billi kien bniedem ta’ Alla, Ġwanni jibgħat lid-dixxipli tiegħu għand Ġesù biex jistaqsuh: Imma int verament dak li qed nistennew, jew irridu nistennew li xi ħadd ieħor?

L-umiljazzjoni ta’ Ġwanni, innota l-Papa, kienet doppja: l-umiljazzjoni ta’ mewtu, prezz ta’ kapriċċ, imma wkoll l-umiljazzjoni tad-dalma tar-ruħ.  Ġwanni, li kellu ħila jistenna lil Ġesù, li għaraf jiddixxerni, issa qed jara lil Ġesù mill-bogħod.  Dik il-wegħda, tenna l-Papa, tbegħedet minnu.  U jispiċċa waħdu, fid-dlam, fl-umiljazzjoni.

 

Jibqa’ waħdu għax ixxejjen ħafna biex jitkabbar il-Mulej.  Ġwanni, osserva Franġisku, jara l-Mulej bogħod minnu u hu, umiljat, imma b’qalbu fil-paċi.

Tliet vokazzjonijiet fi bniedem: iħejji, jiddixxerni, iħalli lill-Mulej jikber u jċekken lilu nnifsu.  Hu sabiħ li naħsbu li l-vokazzjoni tan-Nisrani hija din.  In-Nisrani ma jħabbarx lilu nnifsu, iħabbar lil ħaddieħor, iħejji t-triq għal xi ħadd ieħor: għall-Mulej.

 

In-Nisrani għandu jkun jaf jiddixxerni, għandu jagħraf kif jiddixxerni l-verità minn dak li jidher li hu l-verità, iżda li mhuwiex.  In-Nisrani hu bniedem ta’ dixxerniment.  U n-Nisrani għandu jkun bniedem li jaf jiċċekken hu biex jikber il-Mulej fil-qalb u fir-ruħ tal-oħrajn, temm il-Papa Franġisku.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.