Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta Hemm insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid itina Ġesù bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ħajjithom qiesha funeral. It-Tnejn 24 ta' April 2014
Hemm insara li jibżgħu mill-ferħ li jrid itina Ġesù bil-Qawmien mill-imwiet tiegħu u ħajjithom qiesha funeral. Imma l-Mulej irxuxtat hu dejjem magħna, afferma l-Papa waqt il-quddiesa fid-dar Santa Marta dalgħodu.
Il-Vanġelu tallum jipproponi r-rakkont tad-dehra ta' Ġesù Rxoxt lid-dixxipli. Għat-tislima tal-paċi tal-Mulej, minflok ferħu, id-dixxipli – afferma l-Papa – jibqgħu mibluhin u mimlijin biża' għax jaħsbu li qed jaraw xi fantażma. Ġesù jipprova jfehemhom li dak li kienu qed jaraw kien minnu u jistedinhom imissuh u jitlobhom xi ħaġa x'jiekol. Irid iressaqhom lejn il-ferħ tar-riżurezzjoni, il-ferħ li Hu jinsab preżenti fosthom. Imma d-dixxipli, kompla josserva l-Papa, tant kienu ferħanin li ma ridux jemmnu, ma setgħux jemmnu għax il-ferħ stess nissel fihom il-biża'.
Din hi marda tal-insara. Nibżgħu mill-ferħ. Nippreferu naħsbu: Iva, iva, Alla jeżisti, imma qiegħed hemm, Ġesù qiegħed hemm. Ftit bogħod. Nibżgħu mill-qrubija ta' Ġesù għax dan itina l-ferħ. Hekk nistgħu niddeskrivu lil ħafna nsara wiċċ ta' funeral, mhux hekk? Li ħajjithom qiesha funeral il-ħin kollu. Jippreferu d-dwejjaq u mhux il-ferħ. Jimxu aħjar mhux fid-dawl tal-ġurnata imma fid-dell, bħal dawk l-annimali li joħorġu biss billejl, mhux fid-dawl tal-ġurnata, ma jaraw xejn, bħall-friefet il-lejl. U bi ftit sens ta' umoriżmu nistgħu nigħidu li dan huma nsara “friefet il-lejl” li jippreferu d-dell mid-dawl tal-preżenza tal-Mulej.
Imma Ġesù,
bil-qawmien tiegħu – kompla l-Papa – jagħtina l-ferħ; il-ferħ li
aħna nsara, il-ferħ li nimxu qrib tiegħu, il-ferħ li nimxu fit-triq
tal-Beatitudnijiet; il-ferħ li nkunu miegħu. U aħna, tant drabi, jew nitħawdu, meta nħossu dan il-ferħ, jew nimtlew bil-biża', jew nemmnu li qed naraw xi fantażma jew inkella naħsbu li Ġesù hu “mod ta' kif iġġib ruħek”. Imma aħna nsara u għandna nġibu ruħna hekk!? Imma fejn hu Ġesù? Ġesù qiegħed fis-sema. Int titkellem ma' Ġesù? Tgħidlu: Jien nemmen li Int ħaj, li Int Irxuxtajt, li Int qrib tiegħi, li Int ma tabbandunanix? Hekk għandha tkun il-ħajja tan-nisrani: djalogu ma' Ġesù għax – dan hu veru – Ġesù huwa dejjem magħna, dejjem mal-problemi tagħna, mad-diffikultajiet li jkollna, mal-opri tajba li nagħmlu.
Kemm drabi,
kompla jgħid il-Papa Franġisku, aħna l-insara ma nkunux ferħanin
għax nibżgħu! Insara li sfaw telliefa fis-salib!
Nitolbu lill-Mulej li jagħmel magħna dak li għamel mad-dixxipli li beżgħu minħabba l-ferħ: li jiftħilna moħħna: Għalhekk, fetħilhom moħħom biex huma jifhmu l-Iskrittura; li jiftħilna moħħna u jgħinna nifhmu li Hu hu realtà ħajja, li għandu ġisem, li Hu qiegħed magħna u jakkumpanjana u li Hu rebaħ. Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nibżgħux mill-ferħ, temm il-Papa.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta. |