Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Is-sigurezza li nosservaw il-kmandamenti mhux se ssalvana, insalvaw bl-umiltà li nħossu l-bżonn li nkunu mfejjqin minn Allaa. 

It-Tnejn, 24 ta' Marzu 2014

 

Is-sigurezza li nosservaw il-kmandamenti mhux se ssalvana, insalvaw bl-umiltà li nħossu l-bżonn li nkunu mfejjqin minn Alla.  Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

Ebda profeta mhu milqugħ f'daru: l-omelija tal-Papa kienet mibnija fuq dan il-kliem li Ġesù qal lil niesu, l-abitanti ta' Nażaret, li fosthom ma setgħax iwettaq mirakli għax kienu mingħajr fidi.  Ġesù jfakkar żewġ episkodji bibliċi: il-miraklu tal-fejqan ta' Nagħman mis-Sirja mill-lebbra fit-tempju tal-profeta Eliżew u l-laqgħa tal-profeta Elia mal-armla ta' Sarefta ta' Sidon, li nħelset mill-karestija.
 

Dak iż-żmien, il-lebbrużi  u r-romol – spjega Franġisku – kienu nies emarġinati.  Minkejja, dawn iż-żewġ emarġinati, li laqgħu lill-profeti, ġew salvati.  Iżda n-nies ta' Nażaret ma aċċettawx lil Ġesù għax kienu tant “ċerti mill-fidi tagħhom”, tant żguri mill-osservanza tal-kmandamenti, li ma kellhomx bżonn salvazzjoni oħra.

Dan hu d-dramm tal-osservanza tal-kmandamenti mingħajr il-fidi.  Jien insalva waħdi għax kull nhar ta' Sibt immur is-sinagoga, nipprova nobdi l-kmandamenti, imma ara ma jiġix dan jgħidli li dak il-lebbruż u dik l-armla kienu aħjar minni!  Dawk emarġinati!

 

U Ġesù jgħid: Ħares ftit, jekk int ma twarrabx fil-ġenb, jekk ma tħossokx imwarrab, ma ssalvax.  Din hi l-umiltà, it-triq tal-umiltà: li tħossok tant emarġinat li teħtieġ is-salvazzjoni tal-Mulej.  Hu biss isalva, mhux l-osservanza tal-preċetti.  Dan m'għoġobhomx, irrabjaw u riedu jolqtluh.

 

L-istess rabja – ikkummenta l-Papa – għall-bidu taħkem lil Nagħman ukoll għax iħossha ridikola u umiljanti l-istedina ta' Eliżew biex jinħasel seba' darbiet fix-xmara Ġordan biex ifieq mill-lebbra.  Jitlaq b'suppervja, imma, wara li kkonvinċewh il-qaddejja, jdur lura u jagħmel dak li kien qallu jagħmel il-profeta.  Dak l-att ta' umiltà fejqu.

 

Dan hu l-messaġġ tallum, f'din it-tielet ġimgħa tar-Randan, afferma l-Papa.  Jekk irridu nsalvaw irridu ngħażlu t-triq tal-umiltà.  Fil-kantiku tagħha, Marija tgħid li hi hienja għax Alla ħares lejn il-verġinità tagħha, lejn tjubitha u l-ħlewwa tagħha, tant virtuwjiet li hi kellha: għax il-Mulej ħares lejn l-umiltà tal-qaddejja tiegħu, iċ-ċokon tagħha, l-umiltà.

 

Il-Mulej lejn dak iħares u aħna rridu nitgħallmu dak l-għerf li bih nemarġinaw ruħna biex Alla jsibna.  Ma jsibnix fost is-sigurezzi tagħna, le u le.  Hemmhekk ma jmurx il-Mulej.  Isibna fl-emarġinazzjoni, fid-dnubiet tagħna, fl-iżbalji li nagħmlu, fil-ħtiġijiet tagħna li nkunu mfejqin spiritwalment, li nsalvaw; hemmhekk isibna l-Mulej.  U din hi t-riq, tenna l-Papa, tal-umiltà.

 

L-umiltà nisranija mhix il-virtù li tgħid: jien ma nservi għal xejn u naħbi s-suppervja f'din l-iskuża, le u le!  L-umiltà nisranija hi li ngħid il-verità: Jien midneb, midinba.  Ngħid il-verità: din hi l-verità tagħna.  Imma hemm l-oħra: Alla jsalvana.  Imma jsalvana hemm, meta nkunu emarġinati, ma jsalvaniex fis-sigurezzi tagħna.

 

Nitolbu l-grazzja li jkollna dan id-dehen li nagħrfu nemarġinaw ruħna. Il-grazzja tal-umiltà biex naqilgħu is-salvazzjoni mingħand il-Mulej.



 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.