Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ

II-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2014

 

Mhux faċli tibni d-djalogu mal-oħrajn speċjalment jekk ikunu mifrudin minnhom minħabba l-mibgħeda.  Imma n-Nisrani dejjem ifittex it-triq tar-rikonċiljazzjoni u s-smigħ bl-umiltà u l-ħlewwa għax hekk għallimna Ġesù.  Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Nitkisser imma ma nċedix, tgħid l-idjoma popolari.  Nitkisser basta ma nfarrakx, jgħid l-għerf Nisrani.  Zewġ modi kif wieħed jifhem il-ħajja: l-ewwel wieħed bl-ebusija li b'faċilità kbira jibni l-ħitan li ma jħallux lill-bniedem jikkomunika sa ma' jidħol anki l-odju.  It-tieni jipprova jibni pontijiet ta' ftehim anki wara kwistjoni jew ġlieda.  Imma, widdeb il-Papa Franġisku, dan irid isir bil-patt li wieħed ifittex u jipprattika l-umiltà.

 

L-omelija ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta kienet torbot ma' dik tal-bieraħ.  Fiċ-ċentru tal-qari tal-liturġija u tar-riflessjoni tal-Papa, reġa' kien hemm it-taqbida bejn ir-re Sawl u David.  Dan tal-aħħar tiġih l-okkażjoni li joqtol lil tal-ewwel, osserva l-Qdusija Tiegħu, imma jagħżel triq oħra: it-triq li tqarrbu, li jiċċara s-sitwazzjoni, li jispjega ruħu.  It-triq tad-djalogu biex inissel il-paċi.

 

Id-djalogu jeħtieġ il-ħlewwa mhux l-għajjat.  Hu meħtieġ ukoll li naħseb li l-persuna l-oħra għandha xi ħaġa aktar minni.  U David ħaseb hekk: Hu l-midluk tal-Mulej, hu aktar importanti minni.  L-umiltà, il-ħlewwa... għad-djalogu jeħtieġ li nagħmlu dak li tlabna llum fit-talb tal-bidu tal-quddiesa: insir kollox għal kulħadd.

Umiltà, ħlewwa, insir kollox għal kulħadd ukoll.  U għalkemm dan mhux miktub fil-Bibbja, ilkoll nafu li biex nagħmlu dan ikun meħtieġ li nibilgħu l-morr.  Imma dan għandna nagħmlu għax b'hekk titnissel il-paċi: bl-umlità, bl-umiljazzjoni, billi nfittxu li fl-ieħor dejjem naraw ix-xbieha t'Alla.

 

Il-Papa stess qal li jaf kemm hu diffiċli li tiddjaloga.  Imma għâr milli wieħed jipprova jibni pont bejnu u bejn l-avversarju tiegħu hu, li jħalli l-affarijiet jikbru u l-qalb timtela' bl-għadab lejh.  B'dal-mod, żied jafferma, nisfaw iżolati fil-brodu tal-qrusa li ġġibilna l-korla.  Il-mudell tan-Nisrani hu David li jegħleb il-mibgħeda b'att ta' umiltà.

 

Umiljazzjoni u bini tal-pontijiet, dejjem, dejjem.  Dan hu n-Nisrani.  Mhux faċli, mhu faċli xejn.  Ġesù hekk għamel: umilja ruħu sal-aħħar biex jurina t-triq.  U hemm bżonn ukoll li wieħed ma jħallix ħafna żmien jgħaddi meta tinqala problema.  Mill-aktar fis, fil-mument li jkun jista' jsir wara li tgħaddi t-tempesta, nersqu lejn id-djalogu għax iż-żmien jgħolli l-ħitan bħalma jkabbar il-ħaxix ħażin li ma jħallix il-qamħ jikber.  Għax meta jogħlew il-ħitan, ir-rikonċiljazzjoni ssir diffiċli ħafna, tant diffiċli!

 

Mhux problema li xi kultant nitfgħu l-platti lil xuxlin, tenna l-Papa Franġisku, fil-familja, fil-komunità, fil-kwartier fejn noqgħodu.  L-importanti hu li nfittxu li nagħmlu paċi malajr kemm jista' jkun, b'kelma, b'ġest.  Pont minflok ħajt, bħal dak li għal tant snin kien jifred Berlin.  Għax anki  qlubna, żied il-Papa, għandhom il-possibiltà li jsiru Berlin, bil-ħajt bejnna u bejn l-oħrajn.

 

Jien nibża' minn dal-ħitan li jinbtu ta' kuljum u jnisslu r-rabja..... u anki l-odju.  Naħsbu f'daż-żgħażugħ David: seta' vvendika ruħu perfettament, seta' keċċa lir-re, imma hu għażel it-triq tad-djalogu, bl-umiltà, bil-ħlewwa.

Illum nistgħu nitolbu lil San Franġisk de Sales, Duttur tal-ħlewwa, biex intina lkoll il-grazzja li nibnu l-pontijiet bejnna u bejn l-oħrajn u mhux ħitan, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.