Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-ħajja nisranija hija sempliċi: nisimgħu l-Kelma t’Alla u nqegħeduha fil-prattika,

It-Tlieta, 23 ta' Settembru 2014

 

Il-ħajja nisranija hija sempliċi: nisimgħu l-Kelma t’Alla u nqegħeduha fil-prattika, mhux nieqfu biss fil-qari tal-Vanġelu imma nistaqsu lilna nfusna: b’liema mod il-kliem tal-Vanġelu jkellem lil ħajjitna.  Dan qalu l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu.

Kliemu kien jinstama’ ġdid, daqskemm dehret ġdida l-awtorità ta’ min kien qed jgħidu.  Kliem li kien imiss il-qalb u li fih ħafna kienu jħossu l-qawwa tas-salvazzjoni li kien qed iħabbar.

 

Għalhekk, osserva l-Papa Franġisku, il-follol kienu jiġru wara Ġesù.  Imma kien hemm ukoll min kien jimxi warajh għall-konvenjenza, mingħajr wisq safa ta’ qalb, forsi bix-xewqa waħdanija li jkun ftit aktar tajjeb.  Tul dawn l-elfejn sena, osserva Franġisku dan ix-xenarju ma tantx inbidel wisq.

 

Anki llum ħafna jisimgħu lil Ġesù bħal dawk id-disa’ lebbrużi tal-Vanġelu li ferħanin bil-saħħa fiżika li reġgħu kisbu, jinsew lil Ġesù li kien tahilhom lura.

Iżda Ġesù kien ikompli jitkellem u jħobb lin-nies, kien iħobb lill-folla tant li jasal biex jgħid: “dawk li jimxu warajja, dik il-folla immensa, huma ommi u ħuti.  Imbagħad jitkellem dwar dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha.

 

Dawn huma ż-żewġ kundizzjonijiet biex nimxu wara Ġesù: nisimgħħu l-Kelma t’Alla u nqegħeduha fis-seħħ.  Din hi l-ħajja Nisranija, xejn aktar.  Sempliċi, sempliċi.  Fosri aħna għamilniha ftit aktar iebsa b’ħafna spjegazzjonijiet li ħadd ma jifhem, imma l-ħajja Nisranija hekk hi: is-smigħ tal-Kelma t’Alla u li titqiegħed fil-prattika.

 

Hu għalhekk, kif naraw fis-silta tal-Vanġelu meħuda minn San Luqa, li Ġesù jwieġeb lil min kien qed jgħidlu li l-qraba tiegħu kienu qed ifittxuh: Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha.

 

Biex nisimgħu l-Kelma t’Alla, il-Kelma ta’ Ġesù, qal il-Papa, biżżejjed niftħu l-Bibbja, il-Vanġelu.  Imma dawn il-paġni, afferma Franġisku, ma rridux naqrawhom, irridu nisimgħuhom.  Nisimgħu l-Kelma t’Alla jfisser li naqraw u ngħidu lilna nfusna: Imma dan lili xi jrid jgħidli, xi jrid jgħid lill-qalbi?  Alla x’qed jgħidli b’dal-kliem?  U b’hekk ħajjitna tinbidel.

 

Kull darba li nagħmlu dan – niftħu l-Vanġelu, naqraw silta, nistaqsu lilna nfusna: B’dan Alla qed ikellimni, qed jgħidli xi ħaġa?  U jekk qed jgħidli xi ħaġa. X’qed jgħidli?  Dan hu s-smigħ tal-Kelma t’Alla, nisimgħuha b’widnejna u bi qlubna.

Niftħu qlubna għall-Kelma t’Alla.  L-għedewwa ta’ Ġesù kienu jisimgħu l-Kelma tiegħu, imma kienu qribu biex jippruvaw jaqbduh f’xi żball, biex iġegħeluh jiżloq u jitlef l-awtorità.

 

Imma qatt ma kienu jistqasu lilhom infushom: X’qed jgħidli Alla b’dan il-kliem? U Alla ma jkellimx biss lil kulħadd: iva, jkellem lil kulħadd imma jkellem lil kull wieħed u waħda minna personalment.  Il-Vanġelu ntikeb għall kull wieħed u waħda minna.

 

Ċertament, kompla l-Papa, mhux faċli mbagħad inqegħedu fis-seħħ dak li nkunu smajna, għax aktar faċli li tgħix bil-kalma mingħajr ma tħabbel rasek minn dak li titlob minnek il-Kelma t’Alla.

 

It-triq konkreta biex nagħmlu dan huma l-Kmandamenti, fakkar Franġisku,  u l-Beatitudnijiet.  U norbtu dejjem fuq l-għajnuna Ii jtina Ġesù anki meta qlubna jisimgħu imma jagħmlu tabirruħhom li mhux qed jifhmu.

Alla hu ħanin, fakkar il-Papa, u jaħfer lil kulħadd, jistenna lil kulħadd għax għandu paċenzja kbira.

 

Ġesù, temm il-Papa, jilqa’ lil kulħadd anki lil dawk li jmorru jisimgħu l-Kelma t’Alla imbagħad jittraduha.  Naħsbu f’Ġuda.  “Ħabib”, isejjaħlu fil-waqt li Ġuda kien qed jittradih.

 

Il-Mulej dejjem jiżra’ l-Kelma tiegħu, u jitlob biss qalb miftuħa biex nisimgħuha u rieda tajba biex inqegħeduha fis-seħħ.  Għalhekk illum it-talba tagħna għandha tkun dik tas-Salm:  Mexxini Mulej fit-triqat tal-âmar tiegħek, jġifieri fil-mogħdija tal-Kelma tiegħek u nitolbok biex bit-tmexxija tiegħek nitgħallem inqegħeda fis-seħħ.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.