Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Min jiġġudika lill-oħrajn huwa ipokrita għax ikun iqiegħed lilu nnifsu minflok Alla.

It-Tnejn, 23 ta’ Ġunju 2014

 

Min jiġġudika lil ħuh ikun qed jiżbalja u jispiċċa biex hu stess ikun iġġudikat bl-istess mod.  L-uniku mħallef huwa Alla u min ikun iġġudikat dejjem jista’ jorbot fuq id-difiża ta’ Ġesù, l-ewwel difensur, u fuq l-Ispirtu s-Santu.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Min jiġġudika lil ħuh jiġrilu li jkun qed jaħtaf post jew rwol li mhux tiegħu u fl-istess waqt huwa bniedem tellief għax jispiċċa vittma tal-istess nuqqas ta’ ħniena li jkun qed iwettaq hu nnifsu.

 

Il-Papa kien għadu kif temm jaqra s-silta tal-Evanġleju dwar it-tibna u t-travu fl-għajn u minnufih kien ċar fi kliemu meta qal: Il-persuna li tiġġudika, tkun qed tiżbalja, tkun mifxula u tispiċċa telliefa għax tkun qed tieħu post Alla li hu l-uniku mħallef.

 

Dak l-aġġettiv “ipokriti” li Ġesù kemm-il darba jiddeskrivi bih lid-dutturi tal-liġi, fil-fatt jgħodd għal kulħadd, qal il-Qdusija Tiegħu.  Ukoll, żied jgħid, għax min jiġġudika jaqta’ ħaqq ħesrem filwaqt li Alla, biex jiġġudika, jieħu ż-żmien.

Hu għalhekk, kompla Franġisku, li min jiġġudika jiżbalja, sempliċiment għax ikun qed jieħu rwol li mhux tiegħu.  Imma mhux biss ikun qed jiżbalja imma jitħawwad ukoll.  Ikun tant ossessjonat b’dak li jkun irid jiġġudika, b’dik il-persuna, tant u tant ossessjonat, li dik it-tibna ma tħallihx jorqod!  Il-ħin kollu jaħseb li jrid ineħħi t-tibna lil dak li jkun mingħajr ma jinduna bit-travu li għandu hu!

Ikun imħawwad għax jibda jaħseb li t-tibna hija t-travu.  Iħawwad ir-realtà.  Jgħix fil-fantasija.  U min jiġġudika jispiċċa tellief, jispiċċa ħażin, għax l-istess kejl li juża, jintuża biex jiġi ġudikat hu.  Ikun imħallef li żbajla postu għax ikun qed jieħu post Alla – ikun supperv, mimli bih innifsu – ikun qed jilgħab ma’ telfa.  Xinhi din it-telfa?  Dik li hu jkun iġġudikat bl-istess kejl li bih hu jkun iġġudika lil ħaddieħor.

 

L-uniku li jiġġudika huwa Alla u dawk li li Alla tahom is-setgħa li jagħmlu dan, żied il-Papa Franġisku, li qal li l-atteġġjament ta’ Ġesù hu l-uniku eżempju li għandna nimitaw fil-konfront ta’ min ma jiskruplax jgħaddi l-ġudizzji fuq l-oħrajn.

Quddiem il-Missier, Ġesù qatt ma jakkuża!  Bil-maqlub Hu jiddefendi!  Hu l-ewwel Paraklitu.  Imbagħad jibgħatilna t-tieni Paraklitu, l-Ispirtu s-Santu.  Hu d-difensur: qiegħed quddiem il-Missier biex jiddefendina mill-akkużi.  U min hu l-akkużatur?  Fil-Bibbja nsibu li l-akkużatur huwa d-demonuu, satana.  Ġesù se jiġġudika iva, fl-aħħar tad-dinja, imma sadattant hu qed jinterċedi, jiddefendi…

 

Kollox ma kollox, afferma l-Papa Franġisku, min jiġġudika jkun qed jimita lill-prinċep ta’ did-dinja, li jsus dejjem wara l-bnedmin biex jakkużahom quddiem il-Missier.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nimitaw lil Ġesù li jinterċedi għalina, jiddefendina, hu l-avukat tagħna u tal-oħrajn.  U ma nimitawx lill-ieħor li jwassalna għall-qerda.

 

Jekk irridu nimxu fit-triq ta’ Ġesù, aktar milli akkużaturi għandna nkunu difensuri tal-oħrajn quddiem il-Missier.  Jiena nara xi ħaġa kerha fl-ieħor, immur niddefendih?  Le!  Imma għalaq ħalqek, mur itlob u ddefendih quddiem il-Missier kif jagħmel Ġesù.  Itlob għalih, imma tiġġudikahx!  Għax jekk tagħmel hekk, meta inti wkoll tagħmel xi ħaġa kerha, tkun iġġudikat.

 

Niftakruh sewwa dan, jagħmlilna tajjeb fil-ħajja ta’ kuljum.  Niftakruh dejjem kull meta jkollna aptit niġġudikaw lill-oħrajn, li nqassu dwar l-oħrajn, għax din hi għamla oħra ta’ ġudizzju, temm jgħid il-Papa Franġisku.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.