Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet tagħna. 

Il-Ħamis, 23 ta’ Jannar 2014

L-Insara għandhom jagħlqu l-bibien għall-ġelożija, l-għira u t-tqassis għax dawn jifirdu u jeqirdu l-komunitajiet tagħna.  Din kienet l-eżortazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, illum is-sitt jum tal-Ġimgħa ta' Talb għall-Għaqda fost l-Insara.

 

Ir-riflessjoni l-Papa ħadha mill-ewwel qari tal-ġurnata li jirrakkonta r-rebħa li l-Iżraeliti wettqu fuq il-Filistej bis-saħħa tal-kuraġġ ta' David.

Il-ferħ tar-rebħa malajr jinbidel fi dwejjaq u għira għar-Re Sawl meta ra lin-nisa jfaħħru lil David li kien qatel lil Gulija.  Allura, dik ir-rebħa kbira, afferma l-Papa, tibda ssir telfa fil-qalb tar-re għax fih jidħol, l-istess kif kien ġara lil Kajjin, id-dudu tal-ġelożija u l-għira.

 

Kif għamel Kajjin ma' Abel, ir-re jaqtagħha li joqtol lil David.  Hekk tagħmel il-ġelożija fi qlubna, osserva l-Papa, tnissel sentimenti ħżiena li ma jittollerawx li hija jew oħti jkollhom xi ħaġa li jien m'għandix.  Minflok faħħar lill-Mulej, kif kienu qed jagħmlu n-nisa ta' Iżrael minħabba din ir-rebħa, Sawl jagħżel li jingħalaq fih innifsu, li jmaħħaħ id-dispjaċir u jsajjar is-sentimenti tiegħu fil-borma tal-qrusa.

Il-ġelożija twassal għall-mewt.  L-għira twassal lil dak li jkun biex joqtol.  Kien propju dal-bieb, il-bieb tal-għira, li minnu daħal ix-xitan fid-dinja.  Il-Bibbja tgħid:  Minħabba l-għira tax-xitan daħal il-ħażen fid-dinja.  Il-ġelożija, l-għira jiftħu l-bibien għal dak kollu li hu ħażin.  U jifirdu ukoll il-komunitajiet.  Komunità Nisranija li wħud mill-membri tagħha jkunu għajjurin, ġelużi, tispiċċa biex tinfired u wieħed idur kontra l-ieħor.  Dan hu velenu qawwi.  Velenu li nsibu fl-ewwel paġna tal-Bibbja f'Kajjin.

 

Fil-qalb ta' persuna li tkun għajjura u ġeluża, saħaq mill-ġdid il-Papa, jiġru żewġ affarijiet ċari: L-ewwel ħaġa hi l-qrusa:

Il-persuna invidjuża, il-persuna li tgħir, hi persuna li qalbha mimlija qrusa: ma tafx tkanta, ma tafx tfaħħar, ma tafx x'inhu l-ferħ, tħares dejjem lejn dak li għandu ħaddieħor u li hi m'għandiex.  U dan iżid il-qrusa, qrusa li tinfirex mal-komunità kollha.  Dawn in-nies jiżirgħu il-qrusa.  Għax dan ma jittollerax li dak għandu xi ħaġa, allura jċekken lill-ieħor ħalli jħossu aħjar minnu.  L-istrument biex isir dan huwa t-tqassis.  Fittxu dejjem u ssibu li wara kull tqassis hemm il-ġelożija, l-għira.  U t-tqassis jifred il-komunità, jeqridha.  Dawn huma l-armi tax-xitan.

 

Kemm komunitajiet Insara sbieħ, esklama l-Papa, kienu mixjin tajjeb imma mbgħad wieħed mill-membri tagħhom jidħol fih id-dudu tal-għira, u mal-għira d-dwejjaq, l-għadab fil-qalb u t-tqassis.  Persuna li tkun taħt is-setgħa tal-għira u l-ġelożija, hija persuna li toqtol, kif jgħid l-Appostlu Ġwanni: Min jobgħod lil ħuħ hu qattiel.  L-għajjur, il-ġeluż jibda' jobgħod lil ħuħ, kompla l-Papa li temm l-omelija billi qal:

 

Waqt din il-quddiesa nitolbu għall-komunitajiet Insara tagħna biex din iż-żerriegħa tal-għira qatt ma tinbet bejnietna, biex l-invidja ma tgħammarx fi qlubna, fil-qlub tal-komunitajiet tagħna biex b'hekk inkunu nistgħu nkomplu nfaħħru lill-Mulej, infaħħru lill-Mulej bil-ferħ.  Din hi grazzja kbira, il-grazzja li ma naqgħux fid-dwejjaqu fl-għadab, fil-ġelożija u l-għira.
 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.