Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-ferħ hu s-siġill tan-nisrani anki waqt it-tbatija u t-tribulazzjonijiet.

Il-Ħamis, 22 ta' Mejju 2014

 

Il-ferħ hu s-siġill tan-nisrani anki waqt it-tbatija u t-tribulazzjonijiet.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Franġisku qal li nisrani mdejjaq hu ħaġa impossibbli u żied li dak li jgħallimna nħobbu u li jimlina bil-ferħ hu l-Ispirtu s-Santu

Ġesù, qal il-Papa, qabel ma tela’ s-sema, tkellem dwar ħafna affarijiet imma dejjem semma’ tliet kelmiet li huma l-qofol ta’ kollox: il-paċi, l-imħabba u l-ferħ.  Dwar il-ferħ kien qal li Hu ma jagħtinhiex il-paċi tad-dinja imma jtina paċi dejjiema.  Dwar l-imħabba, kompla l-Papa, tant drabi qal li l-kmandament hu: “Ħobb lil Alla u lill-proxxmu” u qiesu għamel dan bħala l-kundizzjoni, kif naraw f’Mattew 25, li fuqha aħna lkoll se nkunu ġudikati.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, osserva Franġisku, Ġesù jgħidilna xi ħaġa ġdida dwar l-imħabba: “Mhux biss tħobbu imma tibqgħu fl-imħabba”.

Din hi l-vokazzjoni nisranija: li nibqgħu fl-imħabba t’Alla, jiġifieri li nieħdu n-nifs, ngħixu b’dak l-ossiġenu u ngħixu b’dik l-arja.  Ibqgħu fl-imħabba t’Alla.  U b’dan il-kliem jagħlaq id-diskors profond tiegħu dwar l-imħabba.  U kif inhi l-imħabba tiegħu?  “Kif Missieri ħabb lili, hekk jien ħabbejt lilkom”.  Hi mħabba li ġejja mill-Missier.  Ir-relazzjoni tal-imħabba bejnu u bej nil-Missier hija wkoll ir-relazzjoni ta’ mħabba bejnu u bejnna.  U lilna jitlobna nibqgħu f’din l-imħabba, li ġejja mill-Missier.

 

Hija paċi, kompla jgħid il-Papa, li mhix ġejja mid-dinja, jagħtihielna Hu.  Imħabba li mhix ġejja mid-dinja, ġejja mill-Missier.  Il-Papa Franġisku kompla r-riflessjoni dwar l-eżortazzjoni ta’ Ġesù “Ibqgħu fl-imħabba tiegħi”.

 

Is-sinjal li aħna nibqgħu  fl-imħabba ta’ Ġesù hu li aħna nħarsu l-Kmandamenti.  Mhux biżżejjed insegwuhom.  Meta aħna nibqgħu fl-imħabba – żied jgħid – il-Kmandamenti jissawru waħedhom mill-imħabba.  L-imħabba tmexxina b’mod naturali biex inwettqu l-Kmandamenti.  L-għeruq tal-imħabba jwarrdu mill-Kmandamenti.   U dawn, kompla jirrifletti l-Papa, qieshom ir-rabta li tgħaqqad bħal katina lill-Missier, lil Ġesù u lilna.

 

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu tkellem dwar il-ferħ.  Il-ferħ, qal il-Papa, huwa s-sinjal tan-nisrani. In-nisrani mingħajr ferħ mhux nisrani jew hu marid.  Mhemmx triq oħra!  Is-saħħa ma tkunx f’postha, is-saħħa nisranija mhix f’sikkitha jekk ma jkunx hemm il-ferħ!

 

Darba għedt li hemm xi nsara li għandhom wiċċ ta’ “bżaru aħmar fil-ħall”!... Wiċċhom dejjem imġebbed!  B’hekk anki ruħhom tkun l-istess u dan hu ikraħ!  In-nisarni mingħajr ferħ mhux nisrani. Dan hu s-siġill tan-nisrani; il-ferħ.  Anki fit-tbatijiet, fit-tribulazzjonijiet u l-istess fil-persekuzzjoni.

 

Jingħad li l-ewwel martri kienu jmorru għall-mewt qieshom sejrin għall-festa tat-tieġ.  Dan hu l-ferħ nisrani li ħares il-paċi u jħares l-imħabba!  Paċi, imħabba u ferħ: it-tlett kelmiet li jħallilna Ġesù.  U min jagħmel din il-paċi, din l-imħabba, min itina l-ferħ, staqsa l-Papa?  Huwa l-Ispirtu s-Santu.

 

Dak li aħna nsejnih f’ħajjitna!  Għandi aptit nistaqsikom - imma mhux se nagħmel hekk!! – nistaqsikom: kemm minnkom titolbu lill-Ispirtu s-Santu?  Tgħollux idejkom!!…… dan hu dak li aħna nsejnih f’ħajjitna!  Huwa hu r-rigal, ir-rigal li jtina l-paċi, li jgħallimna nħobbu u jimlina bil-ferħ.

 

Fit-talba, tlabna lill-Mulej: Ħares ir-rigal tiegħek.  Tlabna l-grazzja li l-Mulej jindokra l-Ispirtu s-Santu li hemm ġewwa fina.  Jalla l-Mulej itina din il-grazzja: li nindukraw lill-Ispirtu s-Santu li jinsab ġewwa fina, dak l-Ispirtu li jgħallimna nħobbu, jimlina bil-ferħ u jtina l-paċi, temm ir-riflessjoni l-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.