Omelija tal-Papa Franisku

Kristu huwa l-bieb tas-Saltna

Xabbaturi, ħallelin jew briganti huma dawk li jippruvaw jidħlu minn triq oħra

It-Tnejn, 22 ta’ April 2013

Hemm biss bieb wieħed biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. U dak il-bieb huwa Ġesù. Min jipprova jidħol permezz ta’ triq oħra huwa “ħalliel” jew “brigant”; inkella huwa “xabbatur li jaħseb biss għall-vantaġġ tiegħu,” għall-glorja tiegħu u jisraq il-glorja ta’ Alla. Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tnejn 22 ta’ April, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, reġà mill-ġdid ippropona lil Ġesù bħala ċentru tal-ġrajja umana u biex fakkar li din tagħna mhix reliġjon “ta’ negozju.” Jisimgħuh kien hemm grupp ta’ tekniċi tar-Radju Vatikana u l-istaff tas-Sala Stampa tas-Santa Sede akkumpanjati mill-patrijiet Federico Lombardi u Ciro Benedettini, rispettivament direttur u viċi-diorettur, li kkonċelebraw, u minn Angelo Scelzo, viċi-direttur tal-ġurnalistiċi akkreditati.

Waqt li kkummenta l-qari tal-jum , meħudin mill-Atti tal-Appostli (11, 1-18) u mill-vanġelu ta’ Ġwanni (10, 1-10), il-Papa fakkar li fihom “jiġi ripetut il-verb ‘tidħol.’ L-ewwel, meta Pietru jiġi Ġerusalem u jisfa mċanfar: ‘Dħalt f’dar il-pagani.’ Imbagħad Pietru jirrakkonta l-istorja, jirrakkonta kif huwa daħal. U Ġesù f’dan ir-rigward huwa tassew ċar daqs il-kristall: ‘Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, mhuwiex ir-ragħaj.’”  Biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla, fil-komunità nisranija, fil-Knisja, “il-bieb - spjega il-Papa - il-veru bieb, l-uniku bieb huwa Ġesù. Aħna hemm bżonn li nidħlu minn dak il-bieb. U Ġesù huwa ċar: ‘Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb - li Huwa jgħid ‘huwa jien’ -  imma jitlà hemm minn x’imkien ieħor, huwa ħalliel jew brigant,’ wieħed li jrid jagħmel profitt għalih innifsu.”

Dan, innota, jiġri “wkoll fil-komunitajiet insara. Hemm dawn ix-xabbaturi, le? Li jfittxu tagħhom. U b’mod konxju jew inkonxju jagħmluha taparsi li deħlin; imma huma l-ħallelin u l-briganti. Għaliex? Għaliex jisirqu l-glorja ta’ Ġesù, iridu l-glorja propja. U dan huwa dak li Ġesù kien jgħid lill-fariżej: ‘Intom iddawru l-glorja minn wieħed għal ieħor....’ Reliġjon ftit jew wisq tan-negozju, le? ‘Jien nagħti l-glorja lilek u int tagħti l-glorja lili.; Imma dawn mhux veru daħlu mill-veru bieb. Il-bieb huwa Ġesù, u min ma jidħolx minn dan il-bieb jiżbalja.”

U kif nifhmu li l-veru bieb huwa Ġesù? “Aqbad il-Beatitudni u agħmel dak li jgħidu l-Beatitudni.” Kienet it-tweġiba tal-Papa. B’dan il-mod “tkun umli, tkun fqir, tkun manswet, tkun ġust;” u meta xiħadd jagħmel proposta oħra, “la tismagħhiex: il-bieb huwa dejjem Ġesù u min jidħol minn dak il-bieb ma jiżbaljax.” Ġesù mhuwiex biss il-bieb: huwa l-mixja, huwa t-triq. Hemm bosta mogħdijiet, forsi wkoll iktar vantaġġużi biex tasal,” imma huma qarrieqa “mhumiex veri: huma foloz. Ġesù biss huwa t-triq. Xi wħud minnkom jaslu li jgħidu: ‘Missier, int fondamentalista?!’ Le. Ġesù qal sempliċement dan: ‘Jiena l-bieb,’ ‘Jiena il-mixja’ biex nagħtikom il-ħajja. Sempliċement, Huwa bieb sabiħ, bieb tal-imħabba, huwa bieb li ma jqarraqx, mhuwiex falz. Jgħid dejjem il-verità. Imma bi ħlewwa, b’imħabba.”

Sfortunatament, innota l-Qdusija Tiegħu, il-bniedem ikompli jkun ittentat ukoll illum minn dak li kien fil-bidu id-dnub oriġinali, jiġifieri mix-“xewqa li jkollu l-imfietaħ tal-interpretazzjoni ta’ kollox, il-muftieħ u l-poter li nagħmlu triqtna, tkun xi tkun,biex insibu biebna, ikun xi jkun. U din hija l-ewwel tentazzjoni: ‘naf kollox.’ Kultant ikollna t-tentazzjoni li nkunu wisq sidien tagħna nfusna u mhux ulied u qaddejja umli tal-Mulej. U din hija t-tentazzjoni li nfittxu bibien oħra jew twieqi oħra fis-Saltna ta’ Alla.” Fejn għall-kuntrarju “tistà tidħol biss minn dak il-bieb li jismu Ġesù,” minn dak il-bieb li jwassalna fuq”triq li jisimha Ġesù u jwassalna għall-ħajja li jisimha Ġesù. Dawk kollha li jagħmlu ħaġ’oħra - jgħid il-Mulej - li jixxabbtu biex jidħlu mit-tieqa, huma ‘ħallelin u briganti.’ Huwa sempliċi, il-Mulej. Ma jitkellimx diffiċli: hu huwa sempliċi.”

Fl-għeluq il-Papa stieden lil dawk preżenti biex jitolbu ħalli jiksbu “il-grazzja li jdejjem fuq dak il-bieb” li kultant ikun magħluq; aħna nkunu mdejqin, abbaqndunati u “jkollna l-problema li nħabbtu, li nħabbtu fuq dak il-bieb.” Il-Papa stieden biex nitolbu ħalli propju nsibu l-qawwa biex “ma nmorrux infittxu bibien oħra li jidhru iktar faċli, iktar komdi, iktar li nistgħu naħtfuhom,” u minflok inmorru nfittxu “dejjem dak: Ġesù. U Ġesù ma jonqosna qatt, Ġesù ma jqarraqx, Ġesù mhux ħalliel, mhux brigant. Ta ħajtu għalija. Kull wieħed minna għandu jgħid dan: ‘Int li tajt ħajtek għalija, jekk jogħġbok, iftaħ, sabiex jien inkun nistà nidħol.’ Nitolobu din il-grazzja. Inħabbtu dejjem fuq dak il-bieb u ngħidu lill-Mulej: ‘Iftaħ, Mulej, għaliex irrid nidħol minn dan il-bieb. Irrid nidħol minn dan il-bieb, mhux minn dak l-ieħor’.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.