Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Knejjes m’għandhomx ikunu djar tan-negozju

Il-Ġimgħa, 21 ta' Novembru 2014

 

Il-Knejjes m’għandhomx ikunu djar tan-negozju, ir-redenzjoni ta’ Ġesù Kristu hi dejjem gratwita, qal il-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Fit-tifkira tal-preżentazzjoni ta’ Marija fit-Tempju, il-liturġija tal-lum ittina l-Vanġelu li fih naqraw li Ġesù jkeċċi lill-merkanti mit-Tempju għax id-dar tat-talb bidluha b’bejta tal-ħallelin.  Dak li għamel Ġesù, spjega l-Papa, huwa att ta’ purifikazzjoni.  It-Tempju kien ġie profanat u flimkien mat-Tempju kien profanat il-poplu t’Alla.  Kien ipprofanat bid-dnub gravi ħafna tal-iskandlu.

 

In-nies twajba, osserva l-Papa, kienet tmur it-Tempju u ma kinitx tagħti każ ta’ dawn l-affarijiet…. Imma kien ikollhom isarfu l-flus biex jagħtu l-offerta.  Il-poplu t’Alla ma kienx imur fit-Tempju minħabba dawk in-nies, dawk il-bejjiegħa, imma kien imur biex iqim ‘l Alla… U hemm isib il-korruzzjoni li tiskandaliżża lill-poplu.

Il-Papa fakkar l-episodju Bibliku ta’ Anna, mara umli, omm Samwel, li kienet tmur fit-Tempju biex titlob il-grazzja li jkollha wild: kienet titlob fis-silenzju, filwaqt li s-saċerdot u ż-żewġ uliedu kienu korrotti, kienu jisfruttaw lill-pellegrini, kienu jiskandalizzaw lill-poplu.

 

Jien naħseb, żied jgħid Franġisku, fl-iskandlu li nistgħu nagħtu lin-nies bl-atteġġjament tagħna, bid-drawwiet mhux saċerdotali fit-Tempju: l-iskandlu tal-kummerċ, l-iskandlu tal-mondanità.  Kemm-il darba aħna u deħlin fi knisja għadna naraw anki llum, il-lista tal-prezzijiet għall-Magħmudija, għall-benedizzjoni, għall-intenzjonijiet tal-quddies… u l-poplu jiskandaliżża ruħu.

 

Ftit wara li sirt saċerdot, irrakkonta l-Papa, kont ma grupp ta’ studenti tal-università u tnejn minnhom, għarajjes, kienu se jiżżewġu.  Marru fil-parroċċa u riedu ċerimonja bil-quddiesa.  Is-segretarju tal-parroċċa insista li ma setgħux.  Huma staqsew għaliex ladarba l-Konċilju irrikkmanda li t-tieġ isir fil-quddiesa.  Is-segretarju qalilhom li l-ħin kien imqassam kull 20 minuta u l-quddiesa tieħu aktar.  Għax insistew li riedu l-quddiesa, minflok ta’ ħin wieħed kellhom iħallsu ta’ tnejn.  Dan hu skandlu, id-dnub tal-iskandlu, insista l-Qdusija Tiegħu.

Franġsiku żied jgħid li aħna nafu x’qal Ġesù lil min jagħti skandlu: Aħjar imur jintefa’ l-baħar.

 

Meta dawk li qegħdin fit-Tempju, saċerdoti, lajċi, segretarji, li għandhom f’idejhom it-tmexxija tat-Tempju, il-pastorali tat-Tempju, isiru negozjanti, il-poplu jieħu skandlu.  U aħna responsabbli ta’ dan.  Il-lajċi wkoll.  Ilkoll.

 

Għax jekk jiena nara li fil-parroċċa tiegħi qed isir dan, irid ikolli l-kuraġġ li lill-kappillan ngħidlu f’wiċċu.  In-nies isofru meta jaraw dan l-iskandlu.  Hu kurjuż li l-poplu jaf jaħfer lill-qassisin tiegħu meta dawn jaqgħu f’xi żball, jidinbu…. Jaf jaħfer.    Imma hemm żewġ affarijiet li l-poplu t’Alla ma jaħfirhomx: saċerdot marbut mal-flus u saċerdot li jittratta ħażin lin-nies.  Il-poplu dawn ma jasalx biex jaħfirhom.  Huwa l-iskandlu ta’ meta t-Tempju, id-Dar t’Alla, issir negozju, bħall fil-każ ta’ dak it-tieġ: għall-użu tal-knisja trid tħallas il-kera!

 

Ġesù mhux mhux irrabjat, kompla jispjega l-Papa, dik hija d-dagħdigħa ta’ Alla, iż-żelu għad-Dar t’Alla, għax ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew tagħti qima lil Alla l-ħaj jew tqim il-flus.

 

Imma għaliex Ġesù hu daqstant kontra l-flus?  Għax ir-redenzjoni hi gratiwta: hija l-gratwità ta’ Alla li ġabilna Hu, il-gratwità tal-imħabba totali ta’ Alla.  Meta l-Knisja jew il-knejjes isiru “affaristi” jibda’ jingħad: allura s-salvazzjoni mhix b’xejn!

 

Din hi r-raġuni għala Ġesù jaqbad il-frosta f’idejh biex jagħmel dan ir-rit ta’ purifikazzjoni tat-Tempju.  Il-liturġija llum tiċċelebra l-Preżentazzjoni tal-Madonna fit-Tempju: tfajla żgħira…. Mara sempliċi bħal Anna, dak il-ħin tidħol fit-Tempju.

 

Jalla Hi, lilna lkoll, lill-kappillani, lil kull min għandu responsabbiltà pastorali, tgħallimna nżommu t-Tempju nadif, tgħallimna nilqgħu bl-imħabba lil dawk li jiġu għandna, qiesu kull wieħed u waħda minnhom kienu l-Madonna.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.