Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-Nisrani huwa persuna li jaf jistenna lil Ġesù.

It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2014

 

Il-Papa Franġisku llum qal li Nisrani huwa persuna li jaf jistenna lil Ġesù u jikkultiva tama qawwija fis-Salvazzjoni. Il-Papa qal dan fl-omelija ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Huwa kien qed jirrifletti dwar il-Vanġelu ta’ Luqa u l-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin u l-Papa qal li l-poplu t’Alla huwa magħqud fi Kristu u grazzi għalih għandu isem u jmur lil hinn minn kull għadu.

 

Huwa u jikkwota minn San Luqa, il-Papa Franġisku qal li imberkin huma dawk il-qaddejja li jistennew lil sidhom jiġi lura bl-imsiebaħ mixgħula. U Ġesù semma li s-sid meta ġie lura serva lill-qaddejja tiegħu.

 

L-ewwel servizz li l-Mulej jagħti lill-Insara identità. Mingħajr Kristu – qal il-Papa – m’għandniex identità. U huwa semma l-kliem ta’ San Pawl li jgħid lill-pagani biex jiftakru li mingħajr Kristu huma kien barra mill-komunità ta’ Iżrael.

Dak li Kristu ġie jagħmel kien li jagħtina ċittadinanza, li tkun parti minn poplu b’isem u kunjom. Għalhekk minn għedewwa bla paċi Kristu għamilna ħaġa waħda bid-demm tiegħu u kisser il-ħitan li kienu jifirduna.

 

Ilkoll nafu li meta m’aħniex fil-paċi mal-oħrajn ikun hemm ħajt. Hemm ħajt li jifridna iżda Ġesù joffrilna s-servizz tiegħu biex ikisser dan il-ħajt sabiex inkunu nistgħu niltaqgħu. Jekk aħna mifrudin ma nkunux ħbieb iżda għedewwa. U Ġesù għaqqadna lkoll flimkien f’Alla bħala ħbieb, bħala għedewwa, bħala barranin, bħala ulied.

 

Minn sempliċiment nies fit-triq, nies li lanqas biss ma kienu mistiedna sirna ċittadini mal-qaddisin, membri tad-Dar ta’ Alla. U hawnhekk il-Papa staqsa x’inhuma l-kundizzjonijiet t’Alla. Il-Kundizzjoni hija li nistennewh, hekk kif il-qaddejja jistennew lis-sid tagħhom.

 

U min ma jistenniex lil Ġesù staqsa l-Papa – dak li jagħlaq il-bieb lil Ġesù, li ma jħallihx iwettaq il-ħidma tiegħu ta’ paċi, ta’ komunità, ta’ ċittadinanza. U jagħmel aktar minn hekk: jagħtina isem. Jagħmilna ulied Alla. Jeħtieġ li naddottaw attitudni li hi mimlija bit-tama nisranija. In-Nisrani huwa bniedem ta’ tama għax jaf li l-Mulej se jiġi. Ma nafux meta u ma nafux xħin iżda Alla se jiġi u ma jridx isibna mifrudin. Irid isibna ħbieb li ngħixu fil-paċi.

 

 

U hawnhekk il-Papa għamel mistoqsija oħra li għandu jistaqsi kull Nisrani: jien kif nistenna lil Ġesù u qabel xejn jien għand nistennieh jew le?

 

Il-Papa kompla jħeġġiġna nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex fiduċja f’din it-tama li huwa se jiġi u jekk il-qalb tagħna hijiex miftuħa biex tisimgħu jħabbat fuq il-bieb tagħha biex jidħol. In-nisrani huwa bniedem li jaf jistenna lil Ġesù. Il-pagan egoist iġib ruħu bħallikieku hu xi alla u li kapaċi jasal bil-ħila tiegħu biss. Dan ma jispiċċax tajjeb għax jispiċċa bla isem, bla qrubija u bla ċittadinanza.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.