Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Biex ma “noqtlux” fi qlubna l-Kelma t'Alla hemm bżonn li nkunu umli u jkollna ħila nitolbu. 

Il-Ġimgħa, 21 ta' Marzu 2014

 

Biex ma “noqtlux” fi qlubna l-Kelma t'Alla hemm bżonn li nkunu umli u jkollna ħila nitolbu.  Waqt li kien qed jikkummenta l-Vanġelu tallum fil-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku indika dawn iż-żewġ atteġġjamenti bħala stil ta' ħajja nisranija.

 

Jekk in-nisrani ma jkunx umli u ma jitlobx jista' jagħmel tiegħu l-Kelma t'Alla u jinterpretaha kif jaqbel lilu.  L-ispunt biex inħarsu lilna nfusna minn din it-theddida l-Papa Franġisku ħadu mill-Vanġelu tallum li fih Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-ħaddiema tad-dielja li l-ewwel joqtlu lill-qaddejja u fl-aħħar joqtlu ukoll lil iben sid id-dielja bil-ħsieb li jkunu huma l-werrieta.

 

Jisimgħu din il-parabbola kien hemm il-fariżej, ix-xjuħ, is-saċerdoti, u Ġesù, qal il-Papa, jindirizza lilhom biex ifehemhom f'liema abbiss kienu waqgħu għax qalbhom ma kinitx miftuħa għall-Kelma t'Alla.

 

Dan hu d-dramm ta' dawn in-nies, qal Franġisku, u dan hu d-dramm tagħna ukoll!  Il-Kelma t'Alla huma għamluha tagħhom.  B'hekk il-Kelma t'Alla saret kelmthom, kelma li taqdi l-interessi tagħhom, l-ideoloġiji tagħhom, it-teoloġija tagħhom..... imma kelma għas-servizz tagħhom.  U kulħadd jinterpretaha skont kif jidhirlu, skont l-interessi personali.  Dan hu d-dramm ta' dal-poplu.  U biex jiddefendu dan, joqtlu.  Hekk ġralu Ġesù.

 

Il-kapijiet tas-saċerdoti u tal-fariżej, kompla l-Papa Franġisku, fehemu li kien qed jitkellem dwarhom meta semgħu din il-parabbola ta' Ġesù.  Ippruvaw jaqbduh biex joqtluh.  B'hekk, afferma l-Papa, il-Kelma t'Alla tmut, issir priġuniera, l-Ispirtu s-Santu jingħalaq fil-gaġġa tax-xewqat ta' kull wieħed minnhom.  U dan hu eżattament dak li jiġri lilna, osserva l-Qdusija Tiegħu, meta ma nkunux miftuħin għan-novità tal-Kelma t'Alla, meta ma nobdux il-Kelma t'Alla.
 

Imma hemm frażi li tagħtina t-tama.  Il-Kelma t'Alla hi mejta fil-qalb ta' dawn in-nies u tista' tmut ukoll fi qlubna!  Imma ma tintemmx għax hi ħajja fil-qalb ta' min hu sempliċi, tal-umli, tal-poplu t'Alla.  Kienu qed jippruvaw jaqbduh, imma beżgħu mill-folla tal-poplu t'Alla li kien iqisu bħala profeta.  Dik il-folla sempliċi - li kienet tmur wara Ġesù għax dak li kien jgħid Ġesù kien jagħmlilhom tajjeb għall-qalb tagħhom, kien iħeġġilhom qlubhom – dawn in-nies ma kinux żbaljaw; ma kinux jużaw il-Kelma t'Alla għall-interessi tagħhom, kienu jisimgħu u jemmnu, kienu jfittxu li jkunu aktar tajbin.
 

U aħna, staqsa fl-aħħar il-Papa, x'nistgħu nagħmlu biex ma noqtlux il-Kelma t'Alla, biex inkunu doċli, biex ma ngħalqux lill-Ispirtu s-Santu f'gaġġa?  Żewġ affarijiet sempliċi, wieġeb lilu nnifsu:

 

Dan hu l-atteġġjament ta min irid jisma l-Kelma t'Alla: l-ewwel l-umiltà, it-tieni t-talb.  Dawn in-nies ma kinux jitolbu.  Ma kellhomx bżonn jitolbu.  Kienu jħossuhom ċerti minnhom infushom, kienu jħossuhom qawwija, kienu jħossuhom “allat”.

 

Umiltà u talb: bl-umiltà u bit-talb nimxu 'l quddiem biex nisimgħu il-Kelma t'Alla u nobduha.  Umiltà u talb fil-Knisja.  B'hekk ma jiġrilniex dak li ġara lil dawn in-nies: ma noqtlux biex niddefednu l-Kelma t'Alla, il-Kelma li aħna nemmnu li hi l-Kelma t'Alla, illi nagħmluha kelma li nibdluha biex taqdi lilna.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.