Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Inħarsu ix-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej. 

IIt-Tlieta, 21 ta’ Jannar 2014

Inħarsu ix-xejn tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-kobor tal-Mulej.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu enfasiżża li l-Mulej għandu rapport personali magħna, id-djalogu tiegħu qatt mhu djalogu mal-massa u l-Mulej dejjem jagħżel iż-żgħar u l-min għandu l-anqas poter għax iħares lejn l-umiltà tagħna.

 

Il-Mulej u ċ-ċkejknin.  Il-Papa Franġisku iffoka l-omelija tiegħu fuq dawn iż-żewġ kelmiet u qal li r-rapport tal-Mulej mal-poplu tiegħu hu rapport personali u dejjem bejn persuna u oħra.  Hu, żied jgħid, hu l-Mulej, u għalih il-poplu għandu isem, mhux djalogu bejn min għandu l-poter u l-massa imma hu djalogu personali.

U fil-poplu, kull wieħed u waħda għandhom posthom.  Imma l-Mulej qatt ma jitkellem hekk man-nies: mal-massa, qatt.  Jitkellem dejjem personalment bl-isem ta' dak li jkun.   U jagħżel personalment.  Ir-rakkont tal-ħolqien jurina dan: hu l-istess Mulej li b'idejh, artiġjanalment, jagħmel lir-raġel u jith isem: Int tissejjaħ Adam.

 

B'hekk bdiet ir-rabta bejn Alla u l-bniedem.  Imbagħad hemm ħaġ'oħra: hemm rapport bejn Alla u aħna fix-xejn tagħna: Alla l-kbir u aħna ċ-ċkejknin.  Kull meta Alla jkun irid jagħżel lill-persuni dejjem jagħżel liż-żgħar.

Alla, kompla l-Papa, jagħżel lill-poplu tiegħu għax hu l-aktar żgħir, għandu anqas setgħa mill-popli l-oħra.  Jeżisti propju djalogu bejn Alla u ċ-ċokon tal-bniedem.  Anki l-Madonna qalet: Il-Mulej ħares lejn l-umiltà tiegħi.  Il-Mulej għażel liċ-ċkejknin.

 

Fl-ewwel qari tallum, osserva Franġisku, jidher ċar dan l-atteġġjament tal-Mulej.  Il-Profeta Samwel jinsab quddiem l-akbar fost ulied Jesse u jaħseb li se jikkonsagrah għax hu raġel twil u godli.  Imma l-Mulej, osserva l-Papa, jgħidlu biex ma jħarisx lejn l-aspett u l-istatura tiegħu, u jżid: Jien warrabtu għax dak li jara l-bniedem ma jgħoddx.  Infatti, saħaq il-Papa, il-bniedem josserva dak li jidher imma l-Mulej jara l-qalb.  Il-Mulej jagħżel skont il-kriterji tiegħu.  U jagħżel iż-żgħar, il-mansweti, biex iħawwad lil min għandu s-setgħa fid-dinja.

 

Fl-aħħar il-Mulej jagħżel lil David, l-iżgħar wieħed li ma kien jinġieb xejn minn missieru.  Ma kienx id-dar, kien qiegħed jirgħa n-nagħaġ.  Madnakollu David kien il-magħżul.

 

Ilkoll kemm aħna, bil-Magħmudija aħna magħżulin mill-Mulej.  Ilkoll magħżulin, għażilna wieħed wieħed, tana isem u jħares lejna.  Hemm djalogu għax din hi l-imħabba tal-Mulej.  David ukoll sar re u żbalja.  Forsi għamel ħafna, imma l-Bibbja tirrakkutalna tnejn kbar, żewġ żbalji mill-aktar ħoxnin.  X'għamel David?  Umilja ruħu.  Reġa' lura għax-xejn tiegħu u qal: Jien midneb, u talab maħfra u għamel il-penitenza.

 

U wara t-tieni dnub, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, David qal lill-Mulej: Ikkastiga lili imma mhux lill-poplu.  Il-poplu m'għandux ħtija, il-ħtija hija tiegħi.  David, irrifletta l-Papa, ħares lejn iċ-ċokon tiegħu bl-indiema, bit-talb, bid-dmugħ.  Meta naħsbu dwar dawn il-ħwejjeġ, dwar dan id-djalogu bejn il-Mulej u x-xejn tagħna, nistaqsi: fejn hi l-fedeltà Nisranija?

 

Il-fedeltà Nisranija, il-fedeltà tagħna, hi sempliċiment li aħna nħarsu ċ-ċokon tagħna biex inkunu nistgħu niddjalogaw mal-Mulej.  Inħarsu ċ-ċokon tagħna.  Għalhekk l-umiltà, il-manswetudni, it-tjubija huma importanti ħafna fil-ħajja tan-Nisrani, għax huma kenn għaċ-ċokon tagħna li l-Mulej iħobb iħares lejh.  U dejjem hekk se tibqa': djalogu bejn iċ-ċokon tagħna u l-kobor tal-Mulej.

Jalla l-Mulej, bl-interċessjoni ta' San David u anki bl-interċessjoni tal-Madonna li bil-ferħ kantat lill-Mulej għax kien ħares lejn l-umiltà tagħha, itina l-grazzja li nħarsu ċ-ċokon tagħna quddiemu, temm il-Papa.

 


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.