Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ġesù jibki meta aħna nagħlqu qalbna għas-sorpriżi tiegħu

Il-Ħamis, 20 ta' Novembru 2014

 

Anki llum Ġesù jibki meta l-bibien ta’ qlubna, tar-rgħajja tal-Knisja, jingħalqu għas-sorpriżi tiegħu u ma jagħrfux lil dak li jġib il-paċi.  Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Ġesù jibki fuq Ġerusalemm għax ma għarfitx lil dak li jġib il-paċi.  Il-Papa kkummenta l-qari tal-Vanġelu tal-ġurnata fejn spjega li l-Mulej jibki minħabba li l-belt il-magħżula, tal-poplu magħżul, għalqet qalbha.  Ma kellhiex ħin biex tiftaħlu l-bieb!  Kellha wisq x’tagħmel, wisq mimlija biha nfisha.

 

Imma Ġesù jkompli jħabbat il-bibien, kif ħabbat fuq il-bieb ta’ qalb Ġerusalemm: fuq il-bibien ta’ ħutu subien u bniet, fuq il-bibien tagħna, fuq il-bibien ta’ qlubna, fuq il-bibien tal-Knisja tiegħu.

 

Ġerusalemm kienet tħossha kuntenta, kwieta bil-ħajja tagħha u ma kellhiex bżonn lill-Mulej: ma kinitx indunat li kellha bżonn is-salvazzjoni.  Għalhekk għalqet qalbha għall-Mulej.  Il-biki ta’ Ġesù fuq Ġerusalemm, afferma l-Papa, hu l-biki fuq il-Knisja tiegħu, illum, il-biki fuqna.

 

U għaliex Ġerusalemm ma laqgħetx lil Mulej?  Għax kienet tħossha sodisfatta b’dak li kellha, ma riditx problemi.  Imma wkoll, dan jgħidu l-Mulej fil-Vanġelu, “Mhux li għaraft  imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik!”  ma għaraftx iż-żmien li fih saritlek iż-żjara.

 

Ġerusalemm beżgħet miż-żjara tal-Mulej: beżgħet mill-gratwità taż-żjara tal-Mulej.  Kienet tħossha ċerta b’dak li hi setgħet tikkontrolla.  Aħna lkoll inħossuna fiċ-ċert fl-affarijiet li nistgħu nikkontrollaw…… Imma ż-żjara tal-Mulej, is-sorpriżi tiegħu ma nistgħux nikkontrollawhom.

 

Minn dan kienet tibża’ Ġerusalemm: li tkun salvata bis-saħħa tas-sorpriżi tal-Mulej.  Kienet tibża’ mill-Mulej, mill-Għarus tagħha, mill-Maħbub tagħha.  U għalhekk Ġesù jibki.

 

Meta l-Mulej iżur il-poplu tiegħu, iġibilna l-ferħ, iġibilna l-konverżjoni.  U lkoll kemm aħna nibżgħu mhux mill-allegrija, le, imma mill-ferħ li jġibilna l-Mulej, għax dak ma nistgħux nikkontrollawh.  Nibżgħu mill-konverżjoni, għax li tikkonverti jfisser li tħalli lill-Mulej imexxik.

 

Ġerusalemm kienet kwieta, kuntenta, kompla jgħid Franġisku, it-tempju kien għaddej, is-saċerdoti kienu joffru s-sagrifiċċji, in-nies kienet tmur hemm f’pellegrinaġġi, id-dutturi tal-liġi kienu orgnaiżżaw kollox, kollox!  Kollox ċar!  Il-Kmandamenti kollha ċari… U b’dan kollu, Ġeruslaemm kellha qalbha magħluqa.

Is-Salib, il-prezz ta’ dak ir-rifjut, osserva l-Papa, jurina l-imħabba ta’ Ġesù, dak li jwasslu biex jibki anki llum, tant drabi, għall-Knisja tiegħu.

 

Nistaqsi lili nnifsi, illum, aħna l-insara, li nafu l-fidi, il-katekiżmu, li mmorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, aħna l-insara, aħna r-rgħajja, kuntenti bina nfusna?  Għax għandna kollox sistemat u f’postu u m’għandniex bżonn żjarat ġodda mill-Mulej…..  U l-Mulej ikompli jħabbat fuq il-bieb ta’ kull wieħed u waħda minna, fuq il-bieb tal-Knisja, tar-rgħajja tal-Knisja.  Iva, il-bieb ta’ qalbna, tal-Knisja, tar-rgħajja mhux jinfetaħ: il-Mulej qed jibki anki llum!.

 

Il-Papa temm bi stedina biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza: Naħsbu fina nfusna u neżaminaw kif aħna bħalissa quddiem Alla?

 

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.