Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Min jilqa’ f’qalbu lill-Ispirtu s-Santu jkollu paċi sħiħa u mingħajr tmiem mhux bħal min jagħżel li jorbot tamietu b’mod superfiċjali fis-serħan tal-moħħ li jagħtu l-poter u l-flus.

Il-Tlieta, 20 ta' Mejju 2014

 

Min jilqa’ f’qalbu lill-Ispirtu s-Santu jkollu paċi sħiħa u mingħajr tmiem mhux bħal min jagħżel li jorbot tamietu b’mod superfiċjali fis-serħan tal-moħħ li jagħtu l-poter u l-flus.  Din kienet it-tagħlima tal-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.

 

Il-paċi ta’ dak li hu materjali – il-flus, il-poter, il-vanità – u l-paċi personifikata, dik tal-Ispirtu s-Santu.  L-ewwel waħda dejjem bir-riskju li tgħib – illum int sinjur u int xi ħaġa u għada le – u t-tieni hi paċi li ħadd ma jista’ jeħodhielek u hija għalhekk paċi definittiva.

 

L-omelija tal-Papa Franġisku kienet qiesha passaġġ bejn żewġt ixtut dwar waħda mill-akbar xewqat tal-umanità f’kull żmien.

L-ispunt kien meħud mill-Vanġelu ta’ San Ġwann li hemm fil-liturġija tallum.  Ġesù riesaq lejn il-Passjoni u qabel jitlaq jgħid lid-dixxipli: “nagħtikom il-paċi tiegħi”.  Paċi, osserva l-Papa li hi differenti ħafna minn dik li ttina d-dinja għax id-dinja ttina paċi ftit jew xejn superfiċjali, tagħti ftit serħan il-moħħ u anki xi ftit ferħ, imma sa ċertu punt biss.

 

Per eżempju: toffrilna l-paċi tar-rikkezzi:  jien inħossni fil-paċi għax għandi kollox f’postu biex ngħix għal għomri kollu, m’għandix għalfejn inħabbel rasi….  Din hija paċi li tagħtiha d-dinja.  Tikkonfondix, mhux se jkollok problemi għax għandek ħafna flus… il-paċi tar-rikkezza.

 

Ġesù jgħidilna biex ma norbtux qlubna ma’ din il-paċi, għax b’realiżmu kbir jgħidilna: Araw, hemm il-ħallelin… il-ħallelin jistgħu jisirqulek dak li faddalt!  Din tal-flus mhix paċi definittiva.  Ftakru  wkoll li l-metall jissaddad, mhux hekk?  Xi jfisser?  Jaqgħu s-swieq finanzjarji u flusek jitilqu!  Din mhix paċi żgura: hija paċi superfiċjali, tad-dinja.

Bl-istess mod il-Papa Franġisku analiżżaiż-żewġ tipi oħra tal-paċi tad-dinja.  L-ewwel dik tal-poter li, żied jgħid, ma taħdimx, għax kolp ta’ stat malajr iġarraf kollox.  Aħsbu ftit, qal il-Papa, kif intemmet il-paċi ta’ Erodi meta l-Maġi qalulu li kien twieled ir-re ta’ Iżrael: dik il-paċi taret minnufih!

 

Jew il-paċi tal-vanità, li l-Papa Franġisku sejħilha “paċi tal-formalità”, illum int stmat u għada tispiċċa insultat, kif ġralu Ġesù bejn Ħadd il-Palm u l-Ġimgħa l-Kbira.  Iżda l-paċi li jtina Ġesù għandha konsistenza differenti għal kollox.

Il-paċi li jtina Ġesù hija Persuna, hija l-Ispirtu s-Santu!  Fil-jum tal-qawmien Hu jiġi fiċ-ċenaklu u jsellem hekk: Il-paċi magħkom.  Ħudu l-Ispirtu s-Santu.  Din hi l-paċi ta’ Ġesù: hija Persuna, hija rigal kbir.  U meta qlubna jkunu mimlijin bl-Ispirtu s-Santu, ħadd ma jkun jista’ jeħdilna l-paċi.  Ħadd!   Hija paċi definittiva!  X’inhu xogħolna?  Li nnindukraw din il-paċi.  Inħarsuha!  Hija paċi kbira, hija paċi li mhix tiegħi, hi ta’ Persuna oħra li tathieli bħala rigal, ta’ Persuna li tinsab f’qalbi u takkumpanjani tul ħajti kollha.  Tahieli l-Mulej!

 

Din il-paċi nirċevuha fuq kollox bil-Magħmudija u bil-Konfermazzjoni, afferma l-Papa Franġisku.  Nirċevuha bħalma t-tfal jirċievu rigal, mingħajr kundizzjoni u b’qalb miftuħa.  U l-Ispirtu s-Santu rridu nindukrawh mingħajr ma nagħlquh f’gaġġa, u nitolbu l-għajnuna lil dan ir-rigal kbir li tana Alla.

 

Jekk intom ikollkom din il-paċi tal-Ispirtu, jekk għandkom l-Ispirtu s-Santu ġewwa fikom u intom konxji minn dan, qalbkom m’għandhiex għalfejn titfixkel.  Ibqgħu żguri!  Pawlu kien jgħidilna li biex nidħlu fis-Saltna tas-sema jeħtiġilna ngħaddu minn ħafna tribulazzjonijiet.  Ilkoll,ilkoll kemm aħna għandna ħafna minnhom, ilkoll!  Żgħar jew kbar… Imma qalbkom m’għandhiex għalfejn titnikket: din hija l-paċi ta’ Ġesù.  Il-preżenza tal-Ispirtu s-Santu tnissel il-paċi fi qlubna.  Mhux paċi lluppjata, le!  Paċi vera, konxja, paċi li ttihielna biss il-preżenza t’Alla, spiċċa jgħid il-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.