Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-bniedem li jafda fih innifsu, fil-ġid tiegħu jew fl-ideoloġiji hu ddestinat li jkun infeliċi.  Min, minflok, jafda fil-Mulej, jagħti l-frott anki fi żmien in-nixfa. 

Il-Ħamis, 20 ta' Marzu 2014

 

Il-bniedem li jafda fih innifsu, fil-ġid tiegħu jew fl-ideoloġiji hu ddestinat li jkun infeliċi.  Min, minflok, jafda fil-Mulej, jagħti l-frott anki fi żmien in-nixfa.  Hekk qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Misħut il-bniedem li jafda fil-bniedem, il-bniedem li jafda fih innifsu: ikun qiesu “tamarisk fi steppa”, ikkundannat li jinxef u jibqa' mingħajr ma jagħti frott jew biex imut.  Il-Papa beda r-riflessjoni mill-ewwel qari li, minflok, jgħid hekk: imbierek il-bniedem li jafda fil-Mulej, ikun bħas-siġra mħawla ħdejn l-ilma li fi żmien in-nixfa ma tieqafx tagħti l-frott.

 

Hu biss fil-Mulej, afferma l-Papa Franġisku, li l-fiduċja tagħna tkun fiċ-ċert.  Fiduċja f'affarijiet oħra ma jiswew xejn, ma jsalvawniex, ma jtuniex ħajja, ma jtuniex ferħ.  U minkejja li dan nafuh, nibqgħu nafdaw fina nfusna, f'dak il-ħabib jew f'dik is-sitwazzjoni tajba li ninsab fiha jew f'dik l-ideoloġija.  U l-Mulej jibqa' ftit jew wisq fil-ġenb.

 

B'hekk il-bniedem jingħalaq fih innifsu, mingħajr xefaq, mingħajr bibien miftuħa, mingħajr twieqi, u ma jkollux is-salvazzjoni, ma jistax islava lilu nnifsu.  Dan jiġrilu l-għani tal-Vanġelu, spjega l-Papa, kellu kollox: kien jilbes il-propra, jiekol kuljum, jagħmel ikliet kbar.  Kien ferm kuntent imma ma kienx jinduna li fil-bieb tad-dar tiegħu kien hemm fqir mimli pjagi.  Il-Papa enfasiżża li l-Vanġelu jsemmi l-isem tal-fqir: kien jismu Lażżru, filwaqt li s-sinjur jibqa' mingħajr isem.

 

Din hija l-akbar saħta ta' min jafda fih innifsu jew f'kemm jiflaħ, fil-possibiltajiet tal-bnedmin u mhux ta' Alla: jitlef ismu.  X'jismek?  Jisimni dak il-kont fil-bank, fit-tali bank.  X'jismek?  Tant propjetà, tant villel, tant affarijiet....  X'jismek?  L-affarijiet li għadna, l-idoli.  U inti tafda f'dak, u dak hu bniedem misħut.

Ilkoll għandna din id-djgħufija, din il-fraġilità – afferma l-Papa – li nqiegħdu t-tamiet tagħna fina nfusna jew fil-ħbieb jew fil-ħiliet umani biss u ninsew lill-Mulej.  Dan iqiegħdna fit-triq tal-infeliċità.

 

Illum, f'dal jum tar-Randan, jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: fejn qiegħed inpoġġi l-fiduċja tiegħi?  Fil-Mulej, jew jien pagan li nafda fil-ħwejjeġ tad-dinja, fl-idoli li għamilt għalija nnifsi?  U, mill-ġdid: għandi isem jew bdejt nitlef ismi u issa jisimni “jien”?  Jien, jiena, miegħi, għalija, jiena biss?  Għalija, għalija... dejjem dak l-egoiżmu: “jiena”.  Dan ma jagħtiniex is-salvazzjoni.

Imma fl-aħħar mill-aħħar, osserva l-Papa, hemm bieb li jagħti t-tama lil dawk li jafdaw fihom infushom u li tilfu isimhom.

 

Fl-aħħar mill-aħħar dejjem hemm possibiltà.  U dar-raġel, meta nduna li tilef ismu, kien tilef kollox, kollox, jgħolli għajnejh u jgħid kelma waħda: “Missier”.  It-tweġiba ta' Alla hija ukoll kelma waħda: “Ibni”.  Jekk fil-ħajja, xi wħud minna jkollna tant fiduċja fil-bniedem jew fina nfusna, nispiċċaw biex nitilfu isimna, nitilfu d-dinjità, imma jibqa' dejjem il-possiblità li ngħidu din il-kelma, li tmur 'l hinn mill-maġija, ħafna aktar il-bogħod u aktar qawwija: “Missier”.

Hu dejjem jistenniena biex jiftħilna bieb li aħna ma nkunux qed narawh u jgħidilna: “Ibni”.  Nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex lilna lkoll itina l-għerf li ngħarfu nafdaw fiH biss, mhux fl-affarijiet, fil-ħiliet tal-bniedem, imma fiH biss, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.