Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Qabel ma nkunu nafuh permezz tal-istudju, lil Ġesù nsiru nafuh għax insegwuh. 

Il-Ħamis,20 ta' Frar 2014

 

Qabel ma nkunu nafuh permezz tal-istudju, lil Ġesù nsiru nafuh għax insegwuh.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċelebrata fid-Dar Santa Marta.  Kuljum, spjega l-Papa, Kristu jistqasina min hu “Hu” għalina.  Imma t-tweġiba nistgħu ntuha jekk ngħixu baħla dixxipli.

Hija l-ħajja ta' dixxiplu aktar milli l-ħajja ta' studjuż li tippermetti lin-nisrani jsir jaf tassew x'inhu Ġesù għalih.

 

Mixja fuq il-passi tal-Imgħallem li fiha jistgħu jintisġu testimonjanzi ċari imma wkoll tradimenti, waqgħat u ħeġġa ġdida, imma mhux sempliċiment għarfien intellettwali.  Biex jispjega dan il-Papa ħa bħala mudell lil Pietru li fil-Vanġelu tallum narawh bħala x-xhud kuraġġuż, dak li għall-mistoqsija ta' Ġesù lill-Appostli: “Min tgħidu li jien”, jafferma “Int Kristu”, u waqt wara, jsir  avversajru meta jlum lil Ġesù li jkun għadu kif ħabbar li kellu jbati u jmut biex wara jirxoxta.
Ħafna drabi, osserva l-Papa, Ġesù jagħmilha lilna din il-mistoqsija: Imma jien min jien għalik?  U jirċievi l-istess tweġiba ta' Pietru, dik li tgħallimna fil-katekiżmu.  Imma dan mhux biżżejjed.

 

Jidher li biex inwieġbu għal dik il-mistoqsija li lkoll inħossu fi qlubna: Min hu Ġesù għalina?, mhux biżżejjed dak li tgħallimna, dak li studjajna fil-katekiżmu, li hu importanti li nistudjawh, imma mhux biżżejjed.  Biex inkunu nafu lil Ġesù hu meħtieġ li nagħmlu l-mixja li għamel Pietru.  Wara din l-umiljazzjoni Pietru baqa' miexi ma' Ġesù, ra l-mirakli li kien jagħmel, ra l-qawwa tiegħu, imbagħad ħallas it-taxxi, kif qallu jagħmel Ġesù, stad għall-ħuta, ħa l-munita u ra tant mirakli bħal dawn.

 

Imma f'ċertu waqt, Pietru ċaħad lil Ġesù, ittradih, u tgħallem minn dik ix-xjenza tant diffiċli, li aktar minn xjenza hija għerf, ix-xjenza tad-dmugħ, tal-biki.

Pietru, kompla l-Papa Franġisku, jitlob maħfra lil Ġesù u minkejja, wara l-qawmien, jisimgħu jistqasih iħobbux għal tlett darbiet fuq ix-xatt ta' Tiberija, u probabbilment, żied il-Papa, meta kien qed jafferma mill-ġdid l-imħabba totali lejn l-Imgħallem tiegħu Pietru beka u staħa meta ftakar fit-tlett ċaħdiet tiegħu.

Din l-ewwel mistoqsija: Min jien għalik? Li staqsa lil Pietru tista' tinftiehem biss f'mixja, wara triq twila magħmula mill-grazzja u mid-dnub, triq ta' dixxiplu.  Lil Pietru u lid-dixxipli Ġesù ma qalilhomx “Kumu afuni”, qalilhom “Imxu warajja”.  U b'din is-sekwela aħna nsiru nafu lil Ġesù.  Insegwu lil Ġesù bil-virtuwijiet tagħna u anki bi dnubietna, imma nimxu dejjem wara Ġesù.  Mhux l-istudju hu meħtieġ imma ħajja ta' dixxiplu.  Hemm bżonn, insista l-Papa Franġisku, li niltaqgħu mal-Mulej kuljum, bir-rebħiet u d-dgħjufijiet tagħna.  Iżda, żied jgħid, din hi mixja li ma nistgħux nagħmluha waħedna, hu meħtieġ l-intervent tal-Ispirtu s-Santu.
 

L-għarfien ta' Ġesù hu rigal tal-Missier, huwa Hu li jgħarrafna lil Ġesù; huwa xogħol l-Ispirtu s-Santu, li hu ħaddiem kbir.  Mhux persuna tat-trejdunjons, huwa ħaddiem kbir u dejjem jaħdem fina.  Xogħolu hu li jispjega l-misteru ta' Ġesù u li jtina dan is-sens ta' Kristu.  Inħarsu lejn Ġesù, Pietru, l-Appostli u nisimgħu fi qlubna din il-mistoqsija: Min jien, jien għalik? U bħad-dixxipli nitobu lill-Missier li jtina dan l-għarfien ta' Kristu fl-Ispirtu s-Santu, ifissrilna dan il-misteru, temm il-Papa.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.