Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-mixja tan-Nisrani ssib il-milja fir-Reżurrezzjoni.

Il-Ġimgħa, 19 ta' Settembru 2014

 

Il-mixja tan-Nisrani ssib il-milja fir-Reżurrezzjoni, afferma l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa għamel kien qed jikkummenta dak li jgħid San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin u qal li l-Insara donnhom isibu diffikultà li jemmnu li l-ġisem tagħhom għad jinbidel wara l-mewt.

San Pawl jagħmel korrezzjoni diffiċli dwar il-qawmien mill-imwiet.  L-Appostlu tal-Ġnus jindirizza lill-komunità tal-Insara ta’ Korintu li kienu jemmnu li Kristu rxoxta u qiegħed jgħinhom mis-sema, imma f’moħħhom ma kellhomx idea ċara li anki aħna se nqumu mill-imwiet.

 

Il-Papa qal li huma kienu jaħsbuha mod ieħor: iva, il-mejtin huma ġustifikati, mhux se jmorru l-infern - sabiħa ħafna - imma se jibqgħu jduru xi mkien fil-kożmu, fl-arja, ir-ruħ quddiem Alla, imma r-ruħ biss.

 

Wara kollox, żied Franġisku, anki Pietru, dakinhar li Ġesù rxoxta, mar jiġri lejn il-qabar u kien ħaseb li l-ġisem ta’ Kristu kien insteraq.  Ma kienx jgħaddilhom minn moħħhom, osserva l-Papa, li hemm qawmien mill-imwiet reali.  Ma setgħux jifhmu li aħna ngħaddu mill-mewt għall-ħajja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Kristu.

Fl-aħħar mill-aħħar, qal il-Papa, huma aċċettaw il-qawmien ta’ Kristu għax kienu rawh, imma l-qawmien tan-Nisrani ma kienux jarawh b’dil-lenti.  Meta San Pawl imur Ateni, żied jgħid, u jibda’ jitkellem dwar il-qawmien ta’ Kristu, il-Griegi għorrief, il-filosofi, beżgħu.

 

Il-qawmien li jemmnu fih l-Insara huwa skandlu, ma jistgħux jifhmuh.  Għalhekk Pawlu jagħmel dan l-argument, jirraġuna hekk b’mod ċar: Jekk Kirstu qam mill-mewt, kif jistgħu uħud minnkom jgħidu li mhemmx qawmien mill-imwiet?  La Kristu rxoxta anki l-mejtin iqumu.

 

Imma hemm ir-reżistenza għat-trasformazzjoni, ir-reżistenza għall-fatt li l-opra tal-Ispirtu s-Santu li rċevejna fil-Magħmudija tittrasformana sal-aħħar, sal-qawmien mill-mewt.  U meta nitkellmu dwar dan, il-lingwaġġ tagħna jgħidilna: Imma jien irrid immur il-ġenna, marridx immur l-infern, u nieqfu hemm.  Ħadd minna ma jgħid: Jien se nqum bħalma qam Kristu.  Anki għalina hu diffiċli li nifmuh dan.

Hu aktar faċli li wieħed jemmen f’xi ħaġa kożmika.  Dan jiġri għax nirreżistu t-trasformazzjoni, jiġifieri l-kelma li juża San Pawl: Aħna se nkunu mibdulin, il-ġisem tagħna se jkun trasformat.

 

Meta bniedem jgħaddi minn operazzjoni jibża, għax jew ikun se jneħħulu xi ħaġa jew ikunu se jqegħedulu xi ħaġa oħra….. se jkun trasformat biex ngħidu hekk.  Anki aħna, tenna l-Papa, bil-qawmien mill-imwiet se nkunu trasformati.

Dan hu l-futur li qed jistenniena u dan hu l-fatt li jġegħelna nagħmlu tant reżistenza għat-trasformazzjoni tal-ġisem tagħna.  Nirreżistu wkoll l-identità Nisranija tagħna, żied jgħid Franġisku.  Anzi ngħid aktar, kompla, forsi ma nibżgħux wisq mill-Apokalissi tal-Malinn, mill-Antikrist li għandu jiġi qabel.  Forsi ma tantx nibżgħu mill-Arkanġlu u mid-daqq tat-tromba,, imma dik se tkun ir-rebħa tal-Mulej.  Ilkoll kemm aħna se nkunu trasformati u dik tkun il-milja tal-mixja Nisranija tagħna.

 

It-tentazzjoni li ma nemmnux fil-qawmien tal-mejtin, diġà nsibuha fl-ewwel żminijiet tal-Knisja.  Meta Pawlu kellem lit-Tessalonikin, biex jinkoraġġihom u jikkunslahom jgħid sentenza fost l-aktar mimlijin bit-tama li nsibu fit-Testment il-Ġdid: Fl-aħħar aħna se nkunu miegħU.

 

Hekk hu, żied Franġisku, din hi l-identità Nisranija: li nkunu mal-Mulej bil-ġisem u bir-ruħ.  Aħna għad inqumu biex nibqgħu mal-Mulej u l-qawmien jibda’ hawn, meta bħala dixxipli, jekk aħna nkunu mal-Mulej ma nibżgħux aktar minn din it-trasformazzjoni tal-ġisem tagħna.

 

Ir-riżurrezzjoni tkun qiesha qawmien ġdid.  Ġobb jgħidilna: Jien se naraH b’għajnejja.  Mhux spiritwalment, le, bil-ġisem tiegħi u b’għajnejja trasformati.  L-identità Nisranija għandha l-milja tagħha fil-qawmien tal-ġisem tagħna, bir-riżurrezzjoni tagħna.

 

Hemmhekk ikun it-tmiem li jimliena bix-xbieha tal-Mulej.  L-identità Nisranija hija triq, hija mixja li nagħmlu mal-Mulej, bħal dawk iż-żewġ dixxipli li baqgħu mal-Mulej il-lejl kollu, l-istess f’ħajitna kollha aħna msejħin biex nibqgħu mal-Mulej biex fl-aħħar, wara li jkun instama’ l-leħen tal-Arkanġlu, wara li tkun daqqet it-tromba, nibqgħu mal-Mulej.

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.