Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-nisrani għandu jkollu qalb fissa fuq l-Ispirtu s-Santu, mhux qalb li tilgħab u titbandal min-naħa għal oħra.

Il-Tnejn, 19 ta' Mejju 2014

 

In-nisrani għandu jkollu qalb fissa fuq l-Ispirtu s-Santu, mhux qalb li tilgħab u titbandal min-naħa għal oħra.  Din l-affermazzjoni għamilha l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.  Franġisku tkellem dwar San Pawl u qal li dan l-Appostlu kellu ħila jevanġeliżża bla heda għax qalbu kienet imsaħħha mill-Ispirtu s-Santu.

Kif inhi qalbna?  Il-Papa ħa spunt mill-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli li fih nammiraw l-impenn li kellu San Pawl biex jevanġeliżża, qalb li kienet soda imma dejjem miexja.  Infatti l-Appostlu tal-Ġnus għadu kif wasal lura minn Ikonju fejn sar attentat fuq ħajtu imma ma joqgħodx jilmenta dwar dan.  Jibqa’ miexi u jmur jevanġeliżża fil-qasam ta’ Likonja u f’isem il-Mulej ifejjaq paralitiku.

B’hekk jiġri li meta l-pagani jaraw dan il-miraklu jaħsbu li Pawlu u Barnaba, li kien miegħu, huma allat li niżlu fid-dinja, Zeus u Ermes.  Pawlu, osserva l-Qdusija Tiegħu, tħabat biex ifehemhom li huma kienu bnedmin.  Dawn kienu, osserva l-Papa, is-sitwazzjonijiet li kien jgħix fihom Pawlu.

U aħna, ngħixu fost tant sitwazzjonijiet li jbandluna min-naħa għal-oħra.  Iżda tlabna l-grazzja li jkollna qalb soda kif kienet dik ta’ Pawlu; li ma lmentax mill-persekuzzjoni u minflok mar ifittex belt oħra; beda jipprietka hemm; fejjaq marid; għaraf li dak ir-raġel kellu fidi biżżejjed biex jista’ jfiq; imbagħad ikkalma lil dawn in-nies li riedu joffrulu sagrifiċċju u jiddikjara li hemm Alla wieħed, bil-lingwaġġ kulturali li setgħu jifhmuh huma.  Imma ħaġa wara l-oħra… dan jiġi biss meta jkollna qalb soda.

Fejn kienet qalb Pawlu, staqsa l-Papa Franġisku, biex għamel tant tibdil fi ftit ħin u biex jaffronta s-sitwazzjonijiet kif l-aħjar?  Fil-Vanġelu, afferma l-Papa, Ġesù jgħidilna li l-Ispirtu s-Santu, mibgħut mill-Missier, jagħllimna kollox u jfakkarna kull ma kien qal Hu.  Il-qalb ta’ San Pawl għalhekk, kienet fissa fuq l-Ispirtu s-Santu, dan ir-rigal li bagħtilna Ġesù.

U lkoll kemm aħna, wissa l-Papa, jekk irridu nsibu ċ–ċertezza f’ħajjitna, irridu mmorru għandu.  Hu qiegħed fi qlubna, irċevejnih fil-Magħmudija.  L-Ispirtu s-Santu, afferma mill-ġdid, itina l-qawwa, itina dil-qawwa biex nimxu ‘l quddiem fost it-taqlib tal-ħajja.  Ġesù, żied jgħid, jgħidilna żewġ affarijiet dwar l-ispirtu s-Santu: Hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom kollox.  Dan hu dak li jiġri lil San Pawl: jgħallmu u jfakkru l-messaġġ tas-salvazzjoni.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jtih il-qawwa tal-qalb.

B’dan l-eżempju llum nistaqsu lilna nfusna: kif inhi qalbi?  Hija qalb ta’ żeffien li jitbandal min-naħa għal oħra qiesu farfett, li llum togħġbu ħaġa… u dejjem jitbandal; hija qalb li tibża’ miċ-ċirkostanzi tal-ħajja u tinħeba u tibża’ tagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu; hija qalb kuraġġuża jew hi qalb li dejjem imbeżża’ u dejjem tfittex li tinħeba?  Liema hu t-teżor li għandna marbut ma’ qalbna?  Hija qalb iffissata fuq il-bnedmin fuq il-problemi li lkoll għandna?  Hija qalb iffissata fuq l-allat ta’ kuljum jew hi qalb fissa fuq l-Ispirtu s-Santu?

Il-Papa afferma li jagħmlilna tajjeb nistaqsu lilna nfusna: fejn tinsab iċ-ċertezza ta’ qalbi?  U wkoll niftakru fil-ħafna li jiġrilna matul il-jum: id-dar, fuq ix-xogħol, ma’ uliedna, ma’ nies oħra li jgħixu magħna, mal-kollegi tax-xogħol, ma’ kulħadd.

Jien nitkaxkar kull fejn jeħduni huma jew naffrontahom b’qalb soda li taf fejn sejra?  L-uniku li jtina qalb li ma tiċċaqlaqx hu l-Ispirtu s-Santu.  Jagħmlilna tajjeb naħsbu dwar il-fatt li aħna għandna rigal sabiħ imħolli lilna minn Ġesù: dan l-Ispirtu li jtina l-qawwa, li jtina l-kunsill, li jgħinna nimxu ‘l quddiem fost il-problemi ta’ kuljum.

Nagħmlu dan l-eżerċizzju llum, li nistaqsu lilna nfusna kif inhi qalbna: hija soda jew le?  U jekk hi soda fejn tinsab?  Fl-affarijiet tad-dinja jew fl-ispirtu s-Santu?  Jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dan, temm il-Papa!


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.