Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Alla jagħmel l-istorja flimkien magħna u jikkoreġiha kull meta niżbaljaw

Il-Ħamis, 18  ta’ Diċembru 2014

 

Għandna nafdaw f’Alla anki fl-aktar waqtiet mudlama, anki jekk kultant ma nifhmux l-istorja li Hu qiegħed jagħmel flimkien magħna: imma hi dejjem storja ta’ salvazzjoni.  Din kienet l-affermazzjoni ewlenija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-Kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Alla ried isalvana permezz tal-istorja, is-salvazzjoni tagħna mhix salvazzjoni mibnija f’laboratorju ħieles mill-mikrobi, le!  Is-salvazzjoni tagħna hija storika.  Hu għamel mixja mal-poplu tiegħu fl-istorja u biex waslna fejn qiegħdin illum kien hemm storja twila u twila ħafna.

 

L-istorja hekk issir, pass, pass.  Alla jagħmel l-istorja u aħna miegħu u kull meta niżbaljaw Alla jikkoreġi l-istorja u jmexxina ‘l quddiem billi jimxi dejjem magħna.

Jekk għalina dan mhux ċar, qatt ma nistgħu nifhmu l-Milied!  Qatt ma nifhmu l-Inkarnazzjoni tal-Verb!  Qatt!  Hija kollha kemm hi storja ta’ mixja.

F’din l-istorja, qal il-Papa, hemm il-magħżulin minn Alla, dawk il-persuni li Hu jagħżel biex jgħinu lill-poplu tiegħu jimxi ‘l quddiem, bħalma kienu Abram, Mosč u Elija.  Għal dawn kien hemm waqtiet koroħ. Mumenti ta’ dlam, mumenti skomdi, mumenti li tawhom fastidju.

 

Dawn kienu persuni li forsi riedu jgħixu ħajja kalma imma l-Mulej skomodahom biex jagħmel l-istorja.  Il-Mulej ħafna drabi jmexxina minn toroq li għalina huma skomdi, li ma nkunux irridu ngħaddu minnhom.  Tant hu hekk li, f’ħin minnhom, Mosč u Elija tiġihom ukoll ix-xewqa li ħajjithom tintemm, imma mbagħad jintelqu f’idejn il-Mulej.

 

Il-Vanġelu tal-lum ikellimna dwar waqt ikraħ ieħor tal-istorja tas-salvazzjoni: dak li fih Ġużeppi jinduna li l-għarusa tiegħu Marija hija tqila.  Ġużeppi jsofri, jara n-nisa tal-villaġġ iqassu fis-suq u jsofri.  Jgħid lilu nnifsu: imma din hi mara tajba, nafha sew.  Hija bniedma ta’ Alla!  X’għamlitli?   Mhux possibbli.  Jekk jakkużawha tispiċċa mħaġġra! 

 

Dan ma jridux iseħħ anki jekk ma kien qed jifhem xejn.  Jaf li Marija m’għandhiex ħila tonqos mill-fedeltŕ.  F’dawn il-waqtiet koroh, dawn il-persuni magħżulin minn Alla biex jagħmel l-istorja, jeħtiġilhom iġorru l-problema fuq spallejhom mingħajr ma jifhmu.  Hekk il-Mulej jagħmel l-istorja.

 

Hekk Ġużeppi, ir-raġel li jinsab fl-aktar waqt ikrah ta’ ħajtu, il-mument l-aktar mudlam, jieħu l-problema fuq spallejh.  U jakkuża lilu nnifsu biex f’għajnejn l-oħrajn jgħatti lill-għarustu.  Forsi xi psikanalista jgħid li dil-ħolma hi frott ta’ “stress”, li Ġużeppi qed ifittex kif joħroġ mis-sitwazzjoni….. imma ħalluhom jgħidu li jridu, qal il-Papa.

 

X’għamel Ġużeppi?   Wara l-ħolma ħa lil Marija għandu.  Ma jien qed nifhem xejn imma l-Mulej qalli dan u dan se jkun jidher bħala ibni.

Għal Alla, li jagħmel l-istorja mal-poplu tiegħu, osserva l-Papa Franġisku, jfisser mixja ta’ prova għall-maħturin tiegħu.  Imma fl-aħħar isalvahom.  Niftakru dejjem, kompla jgħid, bil-fiduċja, anki fil-waqtiet l-aktar koroħ, anki fil-mard, meta nindunaw li għandna bżonn nitolbu d-dilka tal-morda għax wasalna lejn it-tmiem, niftakru li ngħidu:  imma Mulej, l-istorja la bdiet bija u lanqas se tintemm miegħi!  Int imxi triqtek u jien qiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek.  U nintlequ f’idejn il-Mulej.

 

Allura x’jgħallmuna dawn il-magħżulin t’Alla?  Jgħallmuna li Alla jimxi magħna, li Alla jagħmel l-istorja, li Alla jgħaddina mill-provi u Alla jsalvana fl-aktar mumenti koroħ għax hu Missierna.  U skont San Pawl hu l-papŕ tagħna.

Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan il-misteru li Alla jimxi mal-poplu tiegħu fil-mixja tal-istorja, li Alla jgħaddi mill-prova lill-magħżulin tiegħu u jittestja qalbhom kemm hi kbira, li jkollhom ħila jieħdu fuq spallejhom it-tbatijiet tagħhom, il-problemi, anki lil midinbin.  Naħsbu f’Ġesů biex inkunu nistgħu mmexxu l-istorja ‘l quddiem, temm il-Papa.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.