Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta l-konverżjoni tmiss il-but tkun konverżjoni vera

It-Tlieta, 18 ta' Novembru 2014

 

Fl-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika l-Knisja tistedinna biex naħsbu bis-serjetà dwar il-ħajja nisranija tagħna.  Fl-Iskrittura Ġesù jwissina biex ma nkunux korrotti, insara komdi, tal-apparenza, u jsejħilna għall-konverżjoni.

Il-konverżjoni hija grazzja, hija żjara minn Alla, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu.  Il-Papa għamel riflessjonijiet fuq il-qari tal-ġurnata meħudin mill-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet u r-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Luqa dwar Żakkew.

Fl-ewwel qari, innota l-Papa, il-Mulej jitlob lill-insara ta’ Laodiċja biex jikkonvertu għax birdu.  Jgħixu spiritwalità komda.  Jirraġunaw: nagħmel dak li nista’, imma ninsab fil-paċi u ma rridx li affarijiet strambi jħarbtuni.  Franġsiku nnota li min jgħix ħajja bħal din jaħseb li ma jonqsu xejn: immur il-quddies il-Ħadd, nitlob xi ftit, inħossni tajjeb, ninsab fil-grazzja t’Alla, jien sinjur u m’għandi bżonn xejn aktar.  Kollox sejjer tajjeb.

Din il-mentalità, dik li wieħed iħossu komdu spirtitwalment, wissa’ l-Papa Franġisku, hi stat ta’ dnub.  Il-Mulej għandu kliem iebes ħafna u jgħid: għax inti biered, jien nobżqok minn ġo ħalqi.  Minkejja, l-Mulej jagħtihom ftit pariri u jgħidilhom biex “jilbsu” għax l-insra komdi huma mneżżgħin.

Imbagħad, żied il-Papa, hemm it-tieni sejħa għal dawk li jgħixu biex jidhru.  Insara tal-apparenza.  Jidhrilhom li huma ħajjin imma fil-fatt huma mejta.  Il-Mulej jitlobhom jgħassu. L-apparenzi, ikkummenta l-Papa, huma l-liżar tad-dfin ta’ dawn l-insara: huma mejta.  U l-Mulej isejħilhom għall-konverżjoni.

Jien wieħed minn dawn l-insara tad-dehra?  Minn ġewwa jiena ħaj, għandi ħajja spiritwali?  Nisimgħu lill-Ispirtu Qaddis, nagħti kasu, nimxi ‘l quddiem jew….?  Imma jekk kollox jidher tajjeb, m’għandix għal xiex inċanfar lili nnifsi: għandi familja tajba, in-nies ma sseksikx fuqi, għandi kull ma neħtieġ, iżżewwiġt bil-Knisja… jien fil-grazzja t’Alla.  Kollox sew għandi.

Apparenzi!  Insara tal-apparenzi… huma mejta.  Iżda aħna għandna nfittxu xi ħaġa ħajja fina nfusna u bil-fakra u l-attenzjoni nġedduha biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem.  Nikkonvertu mill-apparenza għar-realtà,  Minn bierda jew kesħin għall-fervur.

It-tielet sejħa għall-konverżjoni hija dik ta’ Żakkew, il-kollettur tat-taxxa, is-sinjur.  Hu korrott, qal il-Papa, kien qed jaħdem għall-barrani, għar-Rumani u ttradixxa l-patrija.  In-nies ma riduhx lil Zakkew.

Veru li ma kienx biered.  Ma kienx mejjet. Kien fi stat ta’ dekompożizzjoni.  Kien korrott.  Imma ħass xi ħaġa ġewwa fih: dan il-bniedem li jfejjaq, il-profeta li kulħadd ifaħħru.  Żakkew jgħid: nixtieq narah għall-kurżità.

L-ispirtu s-Santu jilħaqlu, osserva l-Qdusija Tiegħu.  Żergħa ż-żerriegħa tal-kurżità u, biex jarah, dan ir-raġel jidher ukoll xi ftit redikolu.  Naħsbu ftit, mexxej importanti, korrott, mexxej tal-mexxejja, għax kien il-kap, jitla’ ma siġra biex jara purċissjoni.  Aħsbu ftit kemm hi ħaġa redikola!

Imma Żakkew ma staħax.  Ried jarah u l-Ispirtu Qaddis kien qed jaħdem fih.  Imbagħad il-Kelma tal-Mulej niżlet f’qalbu u ma’ dik il-Kelma tnissel il-ferħ.

Dawk li huma komdi u dawk tal-apparenza insew x’inhu l-ferħ imma dan ir-raġel korrott isibu mill-ewwel.  Qalbu tinbidel, jikkonverti.  Għalhekk Żakkew iwiegħed li se jagħti lura dak li seraq għal erba’ dabriet aktar.

Meta l-konverżjoni tmiss il-but, osserva l-Papa, din tkun ċerta.  Kristjani f’qalbna?  Iva kulħadd hekk hu.  Nisrani mid-demm, ilkoll kemm aħna.  Imma nsara bil-but mimli ftit jeżistu.  Il-konverżjoni… u hawn waslet mill-ewwel: il-kelma awtentika.  Ikkonverta.  Imma dawk li sabu ruħhom quddiem din il-kelma, li ma riedux konverżjoni,meta raw dan gemgmu: għand il-midinbin mar jiekol!  Tħammeġ, tilef il-purezza tiegħu.  Jeħtieġlu jippurifika ruħu għax daħal f’dar ta’ bniedem midneb.

Il-Papa Franġsiku qal li dawn huma t-tlett sejħiet għall-konverżjoni li jagħmilhom Ġesù stess lill-berdin, lill min hu komdu, lil min hu nisrani fid-dieher biss, lil min jaħseb li hu għani imma hu fqir, li m’għandu xejn, li hu mejjet!

Il-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tibdel kollox imma aħna mhux dejjem ikollna l-kuraġġ li nemmnuha, li nirċievu dik il-Kelma li tfejjaqna minn ġewwa.

F’dawn l-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika, temm l-omelija l-Papa, il-Knisja tridna naħsbu b’serjetà kbira dwar il-konverżjoni tagħna biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-mixja tal-ħajja nisranija tagħna.

Tgħidilna biex niftakru l-Kelma t’Alla, tagħmel appell biex inħarsu din il-Kelma fil-memorja, biex ngħassu u anki biex nobdu l-Kelma t’Alla biex ikkonvertiti, inkunu nistgħu nibdew ħajja ġdida.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.