Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ir-reżistenza għas-seduzzjoni li jtuna  t-tentazzjonijiet tiġi biss meta nisimgħu il-Kelma ta' Ġesù.

It-Tlieta, 18 ta' Frar 2014

 

Ir-reżistenza għas-seduzzjoni li jtuna  t-tentazzjonijiet tiġi biss meta nisimgħu il-Kelma ta' Ġesù.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Minkejja d-djgħufijiet tagħna, Kristu dejjem itina l-fiduċja u jiftħilna oriżżont akbar mill-limitazzjonijiet tagħna.

 

It-tentazzjoni tidhrilna bħala ħaġa innoċenti li tattirana imma li wara tinbidel u ssir gaġġa li spiss, minflok ma nippruvaw naħarbu minnha, nibdew innaqqsu l-importanza tal-iskjavitù li nkunu maqbudin fiha għax ngħalqu widnejna għall-Kelma t'Alla.

 

Fl-omelija l-Papa Franġisku afferma mill-ġdid din il-verità flimkien ma' konsegwenza, fir-riflessjoni dwar is-silta meħuda mill-ittra ta' San Ġakbu li tqiegħed quddiemna l-liturġija tallum.  Il-verità hi li Alla qatt ma jittanta 'l-bniedem; it-tentazzjoni tiġi mill-passjonijiet tal-bniedem.  Il-konsegwenza tiġi mill-passjonijiet infushom illi, fi kliem l-Appostlu “inisslu u jiġġeneraw id-dnub.  U ladarba jkun sar, id-dnub iġib il-mewt.

 

Minn mnejn tiġi t-tentazzjoni?  Kif taħdem ġo fina?  L-Appostlu jgħidilna li ma tiġix minn Alla, imma mill-passjonijiet tagħna, mid-djgħufijiet interni tagħna, mill-feriti li ħalla fina d-dnub oriġinali; minn hemm jiġu t-tentazzjonijiet, minn dawn il-passjonijiet.

 

Ħaġa kurjuża: it-tentazzjoniji għandha tlett kratteristiċi: tikber, tniġġeż u tiġġustifika lilha nnifisha.  Tikber: tibda b'arja trankwilla u tikber.....  Ġesù stess qalu dan meta tkellem dwar il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana: il-qamħ kien jikber imma anki s-sikrana miżrugħa mill-għadu.  U t-tentazzjoni tikber, tikber, tikber..... U jekk wieħed ma jwaqqfhiex, tinvadi kollox.

Barra minn hekk, kompla l-Papa, it-tentazzjoni tfittex il-kumpanijja, tniġġeż, u b'dan it-tkabbir u t-tniġġiż, it-tentazzjoni tagħlaqna f'ambjent minn fejn ma nkunux nistgħu noħorġu faċilment.  Din hija l-esperjenza tal-Appostli kif irrakkuntata fil-Vanġelu tallum li fih naqraw li huma bdew iwaħħlu f'xuxlin, taħt għajnejn l-Imgħallem, għax ma kinux ħadu ħobż biżżejjed magħhom fuq id-dgħajsa.

Ġesù, fakkar il-Papa, forsi bi tbissima minħabba dak l-argument, jistedinhom biex iħarsu rwieħhom mill-ħmira tal-Fariżej u ta' Erodi.  Iżda l-Appostli jibqgħu jinsistu mingħajr ma jagħtuh widen għax kienu magħluqin fil-morsa tal-problema dwar ta' min kien it-tort li ma kellhomx ħobż biżżejjed u, kompla jikkummenta l-Papa, ma kellhomx wisa', ma kellhomx ħin, ma kellhomx dawl għall-Kelma t'Alla.

Hekk hu, meta jkollna t-tentazzjoni, ma nisimgħux il-Kelma t'Alla: ma nisimgħuhiex.  Ma nifhmux.  U Ġesù kellu jfakkarhom dwar it-tkattir tal-ħobż biex joħroġhom minn dak l-ambbjent, għax it-tentazzjoni tagħlaqna, tneħħi minna kull ħila li naraw fil-bogħod, tagħlqilna l-oriżżont u b'hekk twassalna għad-dnub.

Meta jkollna t-tentazzjoni, insalvaw biss bil-kelma t'Alla, bil-Kelma ta' Ġesù.  Nisimgħu dik il-Kelma li tiftħilna l-oriżżont..... Hu, dejjem lest biex jgħallimna kif noħorġu mit-tentazzjoni.  U Ġesù hu kbir mhux biss għax joħroġna mit-tentazzjoni, imma għax jkattar fina l-fiduċja ukoll.
 

Din il-fiduċja, afferma l-Papa, hija qawwa kbira meta aħna nkunu mġarrbin bit-tentazzjoni: il-Mulej jistenniena, għandu fiduċja fina waqt li nkunu ttantati, midinbin, dejjem jiftħilna l-oriżżonti.  Bil-maqlub, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, ix-xitan, bit-tentazzjonijiet, jagħlaq, jagħlaq, jagħlaq u jibni ambjent bħal dak tad-dagħjsa tal-Appostli.  Ejjew ma nippermettux li nisfaw priġunieri ta' ambjent bħal dan, temm il-Papa.  Dan nistgħu nagħmluh biss meta nisimgħu l-Kelma ta' Ġesù.

Għalhekk nitolbu lill-Mulej biex dejjem, bħalma għamel mad-dixxipli, bil-paċenzja tiegħu, meta nkunu mġarrbin bit-tentazzjoni jgħidilna: Ieqaf, oqgħod kwiet.  Ftakar x'għamilt miegħek f'dak il-waqt, f'dak iż-żmien: ftakar.  Għolli għajnejk, ħares lejn l-oriżżont, tingħalaqx u ibqa' miexi.  U din il-Kelma teħlisna milli naqgħu fid-dnub waqt il-mument tat-tentazzjoni.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.