Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Knisja mhix grupp ta’ nies magħżula li jinqatgħu għalihom waħedhom

It-Tnejn, 17 ta' Novembru 2014

 

Inħarsu lejn Ġesù imma ninsew li rridu narawh fil-fqir li jitlob l-għajnuna u fl-emarġinat li jimbuttana.  Din minn dejjem kienet it-tentazzjoni  tal-Knisja, li tingħalaq fiha nfisha, minflok tiftaħ il-bibien għal min hu mwarrab mis-soċjetà.

Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar l-epsiodju tal-Vanġelu tal-lum li fih San Luqa jirrakkonta l-istorja tal-għama ta’ Ġeriko.

 

Kien bniedem imwarrab imma kellu r-rieda li jsalva, ix-xewqa li jfiq u għalhekk l-għajjat tiegħu jiżboq l-indifferenza li kien hemm madwaru sakemm fl-aħħar jirbaħ l-isfida u jirnexxilu jħabbat fuq il-qalb ta’ Ġesù.

Ix-xirka tad-dixxipli ħaduha kontrih, ippretendew li jsikktuh biex ma jagħtix fastidju, afferma l-Papa Franġisku.  B’hekk huma kienu qed ibegeħdu lill-Mulej mill-periferija.

 

Din il-periferija ma setgħetx tasal għand il-Mulej għax dan iċ-ċirku ta’ nies (b’intenzjoni tajba, niftehemu) kienu qed jagħlqulu l-bieb.  Spiss dan jiġri anki fostna li nemmnu.  Meta nsibu l-Mulej, mingħajr ma nindunaw, noħolqu dan iċ-ċirku ekkleżjastiku.  Mhux is-saċerdoti biss, jew l-isqfijiet imma l-fidili wkoll.

U tant inkunu qed inħarsu lejn il-Mulej li ninsew inħarsu lejn  il-ħtiġijiet tiegħu: ma nħarsux lejn il-Mulej bil-ġuħ, bil-għatx, fil-ħabs, fl-isptar.  Klima bħal din tagħmel ħafna ħsara.

 

Minn dan il-kumment ironiku l-Papa għadda biex jiddeskrivi ċ-ċirku ta. Nies li jħossu li huma magħżulin u jgħidu lilhom infushom: issa aħna magħżulin, aħna mal-Mulej u allura, jkunu moħħhom biss biex jikkonserva din id-dinja ċkejkna tagħhom u jbegħedu lil kulħadd biex ma jagħtix fastidju lill-Mulej, ibegħedu saħansitra lit-tfal.

 

Dawn id-dixxipli insew, abbandunaw, l-ewwel imħabba tagħhom.  Meta l-ministri  tal-Knisja u l-fidili jidħlu f’ċirku bħal dan, tal-privileġġ li huma qrib il-Mulej, ikollhom it-tentazzjoni li jinsew l-ewwel imħabba tagħhom, dik l-imħabba tant sabiħa li lkoll kellna meta sejħilna l-Mulej u qalilna: inħobbok ħafna.

Din hija t-tentazzjoni tad-dixxipli: li jinsew l-ewwel imħabba, jiġifieri jinsew il-periferiji, jinsew minn fejn ġew li forsi hu tal-mistħija.

 

Hemm ukoll it-tielet grupp: il-poplu sempliċi, dak li jfaħħar ‘il-Mulej għall-fejqan tal-għama.  Kemm-il darba, afferma l-Papa Franġisku, naraw nies sempliċi, tant nisa xjuħ, li bil-mixi u anki b’tant sagrifiċċju jmorru jitolbu f’xi santwarju tal-Madonna. Ma jitolbux privileġġi, jitolbu biss xi grazzja.  Dan hu l-poplu fidil li jaf jimxi wara l-Mulej mingħajr ma jitlob xi privileġġ, li għandu ħila “jgħaddi ftit ħin mal-Mulej” u li, fuq kollox ma jinsiex lill-Knisja emarġinata, lit-tfal, lill-morda, lill-ħabsin.

 

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja, temm l-omelija l-Papa, li lkoll kemm aħna, li għandna l-grazzja tas-sejħa, qatt ma nitbiegħdu minn din il-Knisja.  Qatt ma nidħlu f’xi wieħed minn dawn iċ-ċirki ta’ dixxipli “ekkleżjkastiċi”, privileġġjati, li jitbiegħdu mill-Knisja ta’ Alla li jsofri, li jitlob is-salvazzjoni, li jitlob il-fidi, li jitlob għall-Kelma t’Alla.  Nitolbu l-grazzja li nkunu poplu fidil lejn Alla mingħajr ma nitolbuh ebda privileġġ li jista’ jbegħedna mill-poplu t’Alla.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.