Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-korrott jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb.

Il-Tlieta, 17 ta’ Ġunju 2014

 

Il-korrott jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb.  Il-Papa għamel din l-affermazzjoni waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-matrirju ta’ Nabot meħud mill-ewwel ktieb tar-Rejiet reġa’ ta lill-Papa l-okkażjoni biex jitkellem dwar il-korrotti u qal li l-unika triq biex huma jinbidlu hija l-indiema inkella tinżel fuqhom is-saħta t’Alla.

 

Meta wieħed jaqbad it-triq tal-korruzzjoni, ikun qed jieħu l-ħajjiet, jużurpa u jkun qed jinbiegħ.  Il-Papa Franġisku reġa’ dawwar ħsiebu fuq il-korrotti bi kliem iebes għall-aħħar.  Il-qari tal-liturġija tal-ġurnata li jdur mal-qtil ta’ Nabot minħabba l-korruzzjoni tar-Re Aħab li ried l-għalqa tad-dwieli, tah l-okkażjoni biex jerġa’ jitkellem fuq il-korrotti.

 

Il-Profeta Elia, qal il-Qdusija Tiegħu, jgħid li Aħab biegħ lilu nnifsu.  Kien qiesu nesa li hu bniedem u sar oġġett ta’ merkanzija li tinxtara u tinbiegħ.

Hekk nistgħu nidderskrivuh: merkanzija!  Imbagħad x’jagħmel il-Mulej bil-korrotti, hi liema hi l-korruzzjoni……..?  Ilbieraħ għedna li hemm tliet tipi ta’ korruzzjoni, tliet gruppi: il-korrott politiku, in-negozjant korrott  u l-korrott ekkleżjastiku.

 

It-tlieta li huma jagħmlu l-ħsara lill-innoċenti, lill-foqra, għax huma l-foqra li jħallsu l-festa tal-korrotti!  Il-kont għand il-foqra jispiċċa.  Il-Mulej jgħid ċar u tond x’se jagħmel:  Jien inġib fuqhek għajb kbir u nikinsek.  Kull raġel ta’ Aħab neqirdu kemm jekk hu skjav u wkoll jekk hu liberu f’Iżrael.

 

Il-korrott, kompla jgħid il-Papa, jirrita lil Alla u jġiegħel lill-poplu jidneb!  Ġesù, żied jgħid, qalu ċar dan: min jagħti skandlu aħjar jintefa’ l-baħar.  Il-korrott li jiskandaliżża lis-soċjetà, jiskandaliżża lill-poplu t’Alla.  Il-Mulej għalhekk, iħabbar minn qabel il-kastig għall-korrotti għax huma jiskandaliżżaw, għax jisfruttaw lil min ma jistax jiddefedni ruħu, jagħmlu lin-nies skjavi: “l-għasafar tal-ajru jiġu jiekluk!

 

Il-korrott, kompla l-Papa Franġisku, jinbiegħ biex jagħmel id-deni, imma hu ma jafx: hu jaħseb li qed jinbiegħ biex ikollu aktar flus jew aktar poter.  Imma, tenna l-Papa, fir-realtà jkun qed jinbiegħ biex inissel id-deni, biex joqtol.  Għalhekk, wissa l-Papa, meta aħna ngħidu: Dan ir-raġel hu korrott: din il-mara hi korrotta…… 

Imma ejjew nieqfu naħsbu ftit.  Int għandek provi?  Għax meta ngħidu lil xi ħadd li hu korrott inkunu qed ngħidulu li hu kundannat, inkunu qed ngħidulu li l-Mulej keċċieh ‘l hemm.

 

Il-korrotti huma tradituri, imma huma aktar minn hekk.  L-ewwel definizzjoni tal-korrott hi: bniedem li jisraq, bniedem li joqtol.  It-tieni: x’inhu dak li se jirtu l-korrotti?  Din hi s-saħta t’Alla, għax huma sfruttaw lill-innoċenti, li min ma jistax jiddefendi ruħu.  U dawn il-korrotti, dak li jagħmlu jagħmluh mill-bogħod, bl-ingwanti bojod f’idejhom, mingħajr ma jħammġu jdejhom.

 

It-tielet ħaġa: hemm triq li tista’ tgħin lill-korrotti joħorġu mill-isqaq, hemm bieb li minnu jistgħu joħorġu?  Iva.  Meta Aħab sema’ dan il-kliem, ċarrat ħwejġu, libes xkora u beda jsum.  Kien jorqod bl-ixkora u kien jimxi b’rasu baxxuta.  Beda jagħmel il-penitenza.

 

Dan, qal il-Papa, huwa l-bieb li minnu jistgħu joħorġu l-korrotti, il-korrotti politiċi, in-negozjanti korrotti, il-korrotti tal-Knisja: jitolbu maħfra.  U, żied jgħid, lill-Mulej jogħġbu dan.  Il-Mulej jaħfer, imma jaħfer meta l-korrotti jagħmlu dak li għamel Żakkew: Iva, Mulej, sraqt!  Inrodd lura erba’ darbiet aktar!

 

Meta aħna naqraw fil-gazzetti li xi ħadd hu korrott, li wettaq att ta’ korruzzjoni u li l-flus qed jgħaddu minn id għal oħra… u dan anki fost il-prelati, bħala Nsara għandna d-dmir li nitolbu maħfra f’isimhom u nitolbu biex il-Mulej itihom il-grazzja li jindmu, li ma jmutux b’qalbhom korrotta……..

Iva, nikkundannaw lill-korrotti, temm il-Papa, nitolbu l-grazzja li ma nsirux korrotti aħna, imma nitolbu wkoll biex huma jikkonvertu!


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.