Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Naħfru biex biex ikollna l-ħniena: din hi t-triq li tnissel il-paċi fi qlubna u fid-dinja.

It-Tnejn, 17 ta' Marzu 2014

 

Naħfru biex biex ikollna l-ħniena: din hi t-triq li tnissel il-paċi fi qlubna u fid-dinja.  Dan kien il-ħsieb ewlieni li għamel il-Papa Franġisku fl-omelija ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta

 

Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom: il-Papa kkummenta din l-eżortazzjoni ta' Ġesù u afferma minnufih li mhux faċli nifhmu dan l-atteġġjament ta' ħniena għax aħna mdorrijin niġġudikaw, m'aħniex bnedmin li b'mod naturali nħallu ftit wisa' biex nifhmu u anki biex inħennu.

 

Biex ikollna l-ħniena, osserva l-Papa, hemm ħtieġa ta' żewġ atteġġjamenti.  L-ewwel, li nkunu nafu lilna nfusna: inkunu nafu li għamilna tant affarijiet mhux sew, li aħna midinbin!  U quddiem l-indiema, il-ġustizzja t'Alla tinbidel f'maħfra u ħniena.  Imma jeħtieġ li nistħu minħabba dnubietna.

 

Hu minnu li ħadd minna ma qatel lil ħadd, imma għamilna tant nuqqasijiet żgħar, tant dnubiet  kull jum li jgħaddi.  U meta wieħed jaħseb: imma kif, imma x'qalb ċkejkna: għamilt dan kontra l-Mulej!  U nistħu, nistħu quddiem Alla u din il-mistħija hija grazzja: hija l-grazzja li aħna midinbin.

 

Jien midneb u nistħi quddiemek filwaqt li nitolbok maħfra.  Hu sempliċi, imma diffiċli ħafna tgħid: jiena dnibt.

 

Spiss, osserva l-Papa Franġisku, niġġustifikaw id-dnub tagħna għax nagħtu t-tort lil ħaddieħor, kif għamlu Adam u Eva.  Forsi, kompla jgħid, l-ieħor għenni, ħaffifli t-triq biex nagħmel dak li għamilt....... imma jien inkun għamiltu!  Jekk nindmu, kemm jirriżultaw affarijiet sbieħ għax inkunu umli!  U b'dan l-atteġġjament ta' ndiema tikber fina l-ħila li jkollna l-ħniena għax inħossu fuqna l-ħniena t'Alla, kif ngħidu fil-Missierna: aħfrilna bħalma aħna naħfru.  Għalhekk, jekk jiena ma naħfirx, ninqata' 'l barra u nkun “offside”.

 

L-atteġġjament l-ieħor biex ikollna l-ħniena hu li niftħu qlubna, żied il-Papa, għax il-qalb ċkejkna u magħluqa hija egoista u bla ħila li taħfer.

Niftħu qlubna!  Imma jien midneb!  Ara x'għamel dak jew l-ieħor.  Jien għamilt tant!  Min jien biex niġġudikah?  Din il-frażi: min jien biex niġġudika dan?  Min jien biex inpaċpaċ fuq dak?  Min jien, jien li għamilt l-istess affarijiet u forsi anki agħar?

 

Qalb miftuħa! U l-Mulej jgħid: tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati!  Tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati!  Aħfru u jinħafer lilkom.  Agħtu u jingħatalkom.  Din il-ġenerożità tal-qalb!  U x'jingħatlkom?  Siegħ mimli u marsus, imfawwar, ikun imqiegħed f'ħoġorkom.  Hija x-xbieha tan-nies li kienu jmorru jiġbru l-qamħ u jiftħu l-fardal biex jingħataw aktar, aktar qamħ.  Jekk int għandek qalbek miftuħa, int tkun tista' tirċievi aktar.

 

Il-qalb kbira, qal il-Papa Franġisku, ma tikkundannax, imma taħfer, tinsa....għax Alla nesa ħtijieti: Alla ħafirli dnubieti.  Niftħu qlubna.  Dan hu sabiħ, esklama l-Papa: ħennu.

 

Il-bnedmin li jħennu għandhom qalb kbira, kbira: dejjem jiskużaw lill-oħrajn u jaħsbu fid-dnubiet tagħhom personali.

 

Imma rajt x'għamel dak?  Imma jien xbajt minn dak li għamilt u m'għandix x'naqsam.  Din hi t-triq tal-ħniena li għandna nitolbu għaliha.  Imma jekk aħna lkoll, il-popli kollha, il-persuni, il-familji, il-kwartieri fejn noqgħodu, jkollna dan l-atteġġjament, kemm titnissel paċi fid-dinja, kemm paċi fi qlubna!  Għax il-ħniena twassalna għall-paċi.  Ftakru dejjem: Min jien jien biex niġġudika?  Nistħu u niftħu qlubna.  Jalla l-Mulej itina dil-il-grazzja, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.