Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-mutur li jmexxi l-Knisja huwa l-paċenzja tal-poplu t'Alla li jissaporti bil-fidi l-provi tal-ħajja ta' kuljum.

It-Tnejn, 17 ta' Frar 2014

 

Il-mutur li jmexxi l-Knisja huwa l-paċenzja tal-poplu t'Alla li jissaporti bil-fidi l-provi tal-ħajja ta' kuljum, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fil-quddiesa li ppresjieda fid-Dar Santa Marta.

 

Il-paċenzja mhix rassenjazzjoni; hija xi ħaġa oħra.  Il-Papa kien qed jikkummenta dwar l-ittra ta' San Ġakbu fejn jgħid: Ħuti, għoddu kollox b'ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma' kull xorta ta' tiġrib.  Qisha xi stedina biex nimteddu fuq sodda tal-imsiemer, osserva l-Papa, imma fil-fatt mhux hekk.

Il-paċenzja tgħinna nissaportu l-provi, dawk l-affarijiet li diffiċli tissaportihom u timamtura ħajjitna.

 

Min m'għandux paċenzja jrid kollox mill-ewwel, malajr.  Min hu nieqes minn dan l-għerf tal-paċenzja, enfasiżża l-Papa, hu bniedem kapriċċuż bħat-tfal kapriċċużi.  Dawn in-nies xejn ma jogħġobhom.

Il-persuna li ma tieħux paċenzja, spjega Franġisku, hija persuna li ma tikbirx, li tibqa' bil-kapriċċi tat-tfal, ma tafx tieħu l-ħajja kif tiġi: din jew xejn.  Din hi tentazzjoni: li wieħed isir kapriċċuż.

 

Tentazzjoni oħra ta' min m'għandux paċenzja, afferma l-Papa, hi l-omnipotenza, li jkun irid xi ħaġa mill-ewwel, kif jiġrilhom il-Fariżej meta jitolbu mingħand Ġesù sinjal mis-sema: riedu spettaklu, miraklu.

 

Huma jħawdu l-mod kif jaħdem Alla mal-mod kif jaħdem xi saħħar.  Alla ma jġibx ruħu ta' saħħar.  Alla għandu l-mod tiegħu ta' kif jimxi.  Il-paċenzja t'Alla.  Anki hu għandu l-paċenzja.  Kull darba li nersqu lejn is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, inkunu qed inkantaw innu lill-paċenzja t'Alla!  Imma kif iġorrna fuq spallejh il-Mulej, b'liema paċenzja, b'kemm paċenzja!!

 

Il-ħajja nisranija trid tinbena fuq dil-il-mużika tal-paċenzja, għax kienet propju l-mużika ta' missirijietna, tal-poplu t'Alla, ta' dawk li emmnu l-Kelma t'Alla, li mxew fuq il-kmandament li Alla ta lil missierna Abraham: Imxi quddiemi u ara li ħadd ma jkollu xi jmaqdar fik.

 

Il-poplu t'Alla, afferma l-Papa meta kkwota l-ittra lill-Lhud, sofra ħafna, kien ippersegwitat u maqtul, imma kellu fih il-ferħ li jsellem il-wegħdiet t'Alla mill-bogħod.  Din hi l-paċenzja li aħna għandu jkollna waqt il-provi: il-paċenzja ta' persuna adulta, il-paċenzja t'Alla li jġorrna fuq spallejh.  U din hi, kompla jgħid, il-paċenzja tal-poplu tagħna.

 

Kemm hu paċenzjuż il-poplu tgaħna, anki issa!  Meta mmoru fil-parroċċi u nsibu lil dawk li qed ibatu, li għandhom il-problemi, li għandhom xi wild diżabbli jew marid, imma li jibqgħu għaddejjin fil-ħajja, bil-paċenzja.  Ma jitolbux sinjali, bħal dawn tal-Vanġelu li riedu jaraw sinjal u kienu jgħidu: tina sinjal.

Le, dawn li jbatu ma jitolbux sinjal imma jafu jaqraw is-sinjali taż-żmien; jafu li meta twarrad it-tina tkun waslet ir-rebbiegħa; jafu jaraw dan.  Iżda dawn tal-Vanġelu tallum, li m'għandhomx paċenzja, ma kienux jafu jaqraw is-sinjali taż-żmien u għalhekk lanqas għarfu lil Ġesù.

 

Il-Papa temm l-omelija billi faħħar lill-bnedmin tal-poplu tagħna, nies li jbatu, li jabtu ħafna affarijiet, imma li ma jitilfux it-tbissima tal-fidi, li huma mogħnija bil-ferħ tal-fidi.

 

U dawn in-nies, il-poplu tagħna, tal-parroċċi tagħna, tal-istituzzjonijiet tagħna – tant nies – huma l-mutur tal-Knisja, bil-qdusija tal-ħajja ta' kuljum.

Ħuti, għoddu kollox b'ferħ meta tħabbtu wiċċkom ma' kull xorta ta' tiġrib, għax għandkom tkunu tafu li t-tiġrib tal-fidi tagħkom inissel is-sabar.  Ħallu li s-sabar ikollu l-milja tiegħu fikom, biex tkunu perfetti u sħaħ, bla ma jkun jonqoskom xejn (Ġak 1, 1-4)

 

Jalla l-Mulej itina lkoll il-paċenzja, il-paċenzja hienja, il-paċenzja tax-xogħol, tal-paċi, itina l-paċenzja t'Alla, dik li għandu Hu u jtina l-paċenzja li għandu l-poplu fidil tagħna li hu ta' eżempju għalina.


 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.