Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Id-don li aħna ulied Alla ma jistax “jinbiegħ” bl-iskuża ta' “normalità”

Il-Ġimgħa,17 ta’ Jannar 2014

Id-don li aħna ulied Alla ma jistax “jinbiegħ” bl-iskuża ta' “normalità” li twassalna biex ninsew il-Kelma t'Alla u biex ngħixu qiesu Alla ma jeżistix.  Din kienet ir-riflessjoni ewlenija tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

It-tentazzjoni li rridu nkunu “normali” meta fil-fatt aħna ulied Alla, fis-sustanza tfisser li ninsew il-Kelma tal-Missier u nimxu wara waħda li hi biss umana, “il-kelma ta' dak li għandi aptit”, u b'hekk nagħżlu li nbiegħu ir-rigal tas-sejħa tagħna biex nimxu mal-moda tal-”uniformità tad-dinja”.

 

Fl-Antik Testment il-poplu ta' Iżrael kellu din it-tentazzjoni aktar minn darba, fakkar il-Papa Franġisku, hu hu jikkummenta l-qari tal-liturġija tallum li hu meħud mill-ewwel ktieb ta' Samwel.  Fis-silta naqraw li l-kapijiet tal-poplu jitolbu lil Samwel stess, li kien xjaħ, biex jagħmlihom re ġdid, imma fil-fatt il-ħsieb tagħhom kien li huma jrieġu lilhom infushom.  F'dak il-waqt, il-poplu, osserva l-Papa, kien qed jirrifjuta lil Alla: mhux biss ma kienx qed jismagħha l-Kelma imma kien qed jirrifjutaha.

 

Il-frażi li turina dan id-distakk hi dik li jgħidu l-anzjani ta' Iżrael: irridu re li jkun imħallef għax inkella aħna wkoll inkunu bħall-popli l-oħrajn kollha.  Jiġifieri, osserva l-Papa, jirrifjutaw lill-Mulej tal-imħabba, jirrifjutaw l-elezzjoni u jfittxu t-triq tal-mondanità, bħalma jagħmlu llum ħafna Insara.

 

In-normalità tal-ħajja titlob min-Nisrani fedeltà lejn is-sejħa tiegħu u mhux li jbiegħha biex jimxi wara l-uniformità tad-dinja.  Din hi t-tentazzjoni tal-poplu u anki tagħna.  Ħafna drabi ninsew il-Kelma t'Alla, dak li jgħid il-Mulej, u nintrabtu ma' dak li tgħid il-moda, mhux veru?  Anki t-telenovella hi moda: ejjew nemmnu lilha għax fiha aktar gost!  Id-dnub tal-apostasija hu propju dak li niksruha mal-Mulej.  Imma diċ-ċaħda tidher ċar ħafna.  Il-mondanità hi tal-akbar periklu għax tidħol fin, fin.

 

Hu minnu, żied il-Papa, li n-Nisrani jrid ikun “normali” kif inhuma normali bnedmin oħra.  Imma, insista l-Qdusija Tiegħu, hemm valuri li n-Nisrani ma jistax jagħmilhom tiegħu.  In-Nisrani jrid iżomm mal-Kelma t'Alla li tgħidlu: Int ibni, int maħtur, jien miegħek, jien nimxi miegħek.

 

Allura rridu nirreżistu t-tentazzjoni – bħalma naqraw fit-test Bibliku – li nqisu ruħna vittmi ta' ċertu “kumpless ta' inferjorità” għax ma nħossux li aħna “poplu normali”.
 

Meta din it-tentazzjoni tasal, twebbes il-qalb, u meta l-qalb tkun iebsa, meta l-qalb ma tkunx miftuħa, l-Kelma t'Alla ma tistax tidħol fiha.  Lid-Dixxipli ta' Emmaus Ġesù kien qalilhom: Boloħ u ta' qalb iebsa!  Kellhom qalbhom iebsa u ma setgħux jifhmu l-Kelma t'Alla.

 

Il-mondanità trattab il-qalb imma f'sens ħażin: il-qalb merħija qatt mhi ħaġa tajba.  Il-qalb it-tajba hi dik miftuħa għall-Kelma t'Alla u li tirċevieha kif għamlet il-Madonna li “f'qalbha kienet itmmedita fuq dan kollu”, jgħidilna l-Vanġelu.  Jeħtieġ nilqgħu l-Kelma t'Alla biex ma nitilfux is-sejħa.
 

Għalhekk, temm il-Papa Franġisku, nitolbu l-grazzja li ngħelbu l-egoiżmi tagħna, l-egoiżmu li rrid nagħmel dak li jidhirli u kif nixtieq jien.

 

Nitolbu l-grazzja li ngħelbu dan u nitolbu l-grazzja tal-manswetudni spiritwali,

jiġifieri li niftħu qlubna għall-kelma t'Alla u ma nagħmlux kif għamlu dawn ħutna, li għalqu qalbhom għax kienu tbegħedu mill-Mulej u għa tul ta' żmien ma baqgħux jisimgħu u jifhmu l-Kelma t'Alla.

 

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li jkollna qalbna miftuħa biex nirċievu l-Kelma t'Alla u nimmeditaw fuqha dejjem.  Minn hemm nibdew il-mixja fit-triq il-vera.
 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.