Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Is-salvazzjoni tiġi minn qalb umli li tafda f’Alla

It-Tlieta, 16 ta’ Diċembru 2014

 

Alla jsalva qalb niedma filwaqt li min ma jafdax fiH jiġbed fuq l-kundanna.  Dan affermah il-Papa Franġisku waqt l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

F’għajnejn Alla hija l-umiltà li ssalva lill-bniedem, is-suppervja titlef is-salvazzjoni.  Il-qofol ta’ kollox hi l-qalb.  Dik tal-umli hi miftuħa, taf tindem, taċċetta korrezzjoni u tafda f’Alla.  Dik tas-supperv hija l-oppost: arroganti, magħluqa, ma tafx tistħi, u ma tħallix il-leħen ta’ Alla jinfidha.

 

Is-silta meħuda mill-Profeta Sofonija u l-Vanġelu, nebbħu l-omelija tal-Papa Franġisku dalgħodu.  Fir-riflessjonijiet tiegħu ħa ż-żewġ siltiet li tipproponi l-liturġija tal-lum flimkien, u qal li t-tnejn jitkellmu dwar “ġudizzju” li minnu jiddependu s-salvazzjoni u l-kundanna.

 

Is-sitwazzjoni li jiddeskrivi l-Profeta Sofonija hi dik ta’ belt ribelli li, minkejja, fiha hemm grupp li nidem minn dnubietu,  Dan, enfasiżża l-Papa, huwa l-poplu t’Alla li għandu t-tlett karatteristiċi tal-umiltà, tal-faqar u tal-fiduċja fil-Mulej.  Imma fil-belt hemm ukoll, żied Franġisku, dawk li m’aċċettawx il-korrezzjoni, ma afdawx fil-Mulej.  U xortihom hi l-kundanna.

 

Dawn ma jistgħux jirċievu s-salvazzjoni.  Huma magħluqin għas-salvazzjoni.  “Inħalli f’nofsok poplu umli u fqir’ jafda f’isem il-Mulej” għal ħajtu kollha.  U dan għadu jiġri sal-lum, mhux hekk?  Meta naraw lill-poplu qaddis ta’ Alla, umli, li l-għana tiegħu hija l-fidi fil-Mulej, din hi t-triq tas-salvazzjoni u t-triq tal-Knisja, mhux hekk, staqsa l-Papa?  Din hi t-triq li għandha timxi fiha l-Knijsa, mhux l-oħra fejn ma tismax il-leħen, ma taċċettax il-korrezzjoni u ma tafdax fil-Mulej.
Ix-xena li jippreżentalna l-Vanġelu hi dik tal-kuntrast bejn iż-żewġ ulied li l-missier jibgħat jaħdmu fl-għalqa tiegħu, l-ewwel wieħed jirrifjuta, imma jindem u jmur, it-tieni wieħed jgħid iva imma mbagħad jinganna lil missieru. 

 

Ġesù jirrakkonta din l-istorja lill-kapijiet tal-poplu u bla tlaqliq jafferma li huma ma riedux jisimgħu leħen Alla ġej minn Ġwanni u għalhekk in-nisa tat-triq u l-publikani, li emmnu lil Ġwanni, jaslu qabilhom fis-Saltna tas-Sema.

 

L-iskandlu mqajjem minn din l-affermazzjoni, osserva l-Papa Franġisku, hu l-istess bħal ta’ dawk il-ħafna Nsara li jħossu li huma puri għax għalihom biżżejjed li tmur il-quddies u titqarben.  Imma Alla għandu bżonn aktar, żied jgħid il-Papa.

 

Jekk ma tindimx, jekk int ma tismax lill-Mulej, ma taċċettax il-korrezzjoni u ma tafdax fiH, qalbek mhix niedma.  Imma dawn l-ipokriti li jiskandaliżżaw ruħhom minħabba dak li jgħid Ġesù dwar in-nisa tat-triq u l-pubblikani, kienu jmorru għandhom bil-moħbi biex jiżvugaw il-passjonijiet tagħhom jew biex jagħmlu n-negozju – imma kollox bil-moħbi - ….. kienu puri!  Imma l-Mulej dan ma jridux.

 

Dan il-ġudizzju jtina t-tama, assigura l-Papa Franġisku, dment li aħna jkollna l-kuraġġ li niftħu qlubna għal Alla mingħajr riżervi, u noffrulu wkoll il-lista ta’ dnubietna.  Biex jispjega ruħu l-Papa semma’ l-istorja ta’ dak il-qaddis li kien jaħseb li lil Alla kien tah kollox b’ġenerożità kbira:

 

Dejjem kien jisma’ l-Mulej, dejjem jagħmel ir-rieda tiegħU, lill-Mulej kien itih dak li hu tiegħU:  Imma int għadek ma tajtnix ħaġa waħda!.  Imma l-imsejken kien tant twajjeb li jgħid:  Imma Mulej x’ma tajtekx?  Tajtek ħajti, naħdem mal-foqra, nagħmel il-katekeżi, naħdem ‘l hawn u ‘l hinn…..

Imma hemm xi ħaġa li għadek ma tajthielix, jgħdilu l-Mulej.  X’inhi, Mulej?  U l-Mulej iwieġeb: dnubietek! 

 

Meta aħna naslu li ngħidu: Mulej dawn huma dnubieti – mhux id-dnubiet ta’ dak u tal-ieħor - dnubieti…. huma tiegħi.  Ħudhom int u jien insalva.  Meta aħna naslu nagħmlu dan aħna nkunu dak il-poplu sabiħ, poplu umli u fqir li jafda f’isem il-Mulej.  Jalla l-Mulej jaqlalna din il-grazzja, temm il-Papa Franġisku

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.