Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

It-talb ta’ tifħir hu diffiċli imma jnissel il-ferħ

Il-Ħamis 16, ta' Ottubru 2014

 

Faċli titlob biex taqla’ xi grazzja, waqt li hu aktar diffiċli tgħid talb ta’ tifħir, madnakollu dan hu t-talb li jagħti l-ferħ veru.  Affermazzjoni magħmula mill-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa ħa spunt mill-Ittra lill-Efesin li fiha San Pawl jgħolli t-tifħir u l-barka lejn Alla.  Hija talba ta’ tifħir – osserva Franġisku – li aħna ma tantx aħna mdorrijin nagħmluha: li nfaħħru ‘l Alla.  Imma din hija talba ta’ gratwità pura u tfisser li aħna nidħlu f’ferħ kbir.

Aħna nafu nitolbu tajjeb ħafna meta rridu xi ħaġa u anki meta niżżu ħajr lil Mulej, imma t-talb ta’ tifħir hu ftit diffiċli għalina. M’aħniex imdorrijin wisq infaħħru lill-Mulej.  Dan nistgħu nagħmluh aħjar meta niftakru fl-affarijiet li l-Mulej għamel magħna tul ħajjitna.

 

FiH, fi Kristu, aħna konna magħżulin sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja: Ikun imbierek il-Mulej, għax Hu għażilni!  Huwa l-ferħ ta’ qrubija paterna u tenera.

It-talb ta’ tifħir, kompla l-Papa, jnissel fina dan il-ferħ, li nkunu ħienja quddiem il-Mulej.  Ejjew nagħmlu sforz biex insibuh dal-ferħ, imma l-punt tat-tluq hu propju li niftakru fl-għażla: il-Mulej għażilni sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.  Imma din diffiċli nifhmuha!

 

Dan la nistgħu nifhmuh u lanqas nimmaġinawh: li l-Mulej kien jafni minn qabel il-ħolqien tad-dinja, li ismi kien fil-qalb tal-Mulej.  Din hi l-verità!  Din hi r-rivelazzjoni!  Jekk aħna dan ma nemmnuhx m’aħniex Insara, eh!, qal Franġisku.

Forsi nkunu mħeġġin ħafna minn reliġjożità li temmen f’Alla, imma ma nkunux Insara!  In-Nisrani hu bniedem magħżul, huwa magħżul minn Alla sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja.  Anki dan il-ħsieb jimla l-qlubna bil-ferħ: jien magħżul.  U dan itina s-sigurezza.

 

Isimna, osserva l-Papa, jinsab fil-qalb ta’ Alla propju fil-qiegħ nett bħalma tarbija tkun fil-ġuf ta’ ommha.  Dan hu l-ferħ li jiġina mill-fatt li aħna magħżulin.  Din hi ħaġa li ma tistax tifhimha biss b’moħħok u lanqas b’qalbek biss.  Biex nifhmu dan hemm bżonn li nidħlu fil-misteru ta’ Ġesù Kristu.  Il-misteru tal-Iben il-Maħbub:

Hu xerred demmu fuqna, bl-abbundanza, b’kull għerf u intellett u wriena l-misteru tar-rieda tiegħu.  Dan hu t-tielet atteġġjament: li nidħlu fil-misteru.

 

Meta niċċelebraw l-Ewkaristija nidħlu f’dan il-misteru li ma nistgħux nifhmuh għal kollox: il-Mulej hu ħaj, jinsab magħna fil-glorja tiegħu, fil-milja tiegħu u jerġa’ jagħti ħajtu mill-ġdid għalina.  Dan l-atteġġjament li nidħlu fil-misteru rridu nitgħallmuh kuljum.  In-Nisrani huwa bniedem li jagħmel ħiltu biex jidħol fil-misteru, misteru li ma nistgħux nikkontrollawh għax huwa misteru.  Imma jien nidħol fiha xorta waħda.

 

It-talb ta’ tifħir, temm l-omelija l-Papa, huwa qabel kollox talb ta’ ferħ u mbagħad talb ta’ tifkira: Imma kemm għamel ħwejjeġ miegħi il-Mulej!  B’liema tenerezza akkumpanjani, kemm tbaxxa għalija: tbaxxa bħalma missier jintlewa biex jgħin lil ibnu jimxi.

 

Nitolbu għalhekk lill-Ispirtu s-Santu biex itina l-grazzja li nidħlu fil-misteru, speċjalment meta nkunu qed niċċelebraw l-Ewkaristija.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.