Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Alla jħobbna bħalma tħobb l-omm, nibżgħu għall-grazzja

It-Tnejn, 15 ta’ Diċembru 2014

 

Ġesù jagħmilna bnedmin li nħennu għan-nies, imma min għandu qalbu dgħajfa għax mhix imsaħħha bi Kristu, jirriskja li jkun riġidu fid-dixxiplina li tidher, imma ipokrita u opportunist minn ġewwa.

 

Il-qofol tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu, kien il-Vanġelu, li fih naraw lis-saċerdoti u l-kapijiet jistqasu lil Ġesù b’liema awtorità kien iwettaq l-opri tiegħu.

 

Din mistoqsija li tikxef il-qalb ipokrita ta’ dawn in-nies: lilhom ma kinitx tinteressahom il-verità, kienu jfittxu biss l-interessi tagħhom u jduru mar-riħ, spjega l-Papa: jaqblilna ngħaddu minn hawn, jaqblilna ngħaddu minn hemm, kienu bandli, ilkoll!  Mingħajr konsistenza.  Qalb mingħajr konsistenza.  B’hekk kienu jinnegozjaw kollox: kienu jinnegozjaw il-libertà interjuri, jinnegozjaw il-fidi, jinnegozjaw lill-patrija, kollox, minbarra dak li jidher, l-apparenza.  Lilhom kien jimpurtahom biss li joħorġu tajjeb mis-sitwazzjonijiet.  Kienu opportunisti: japprofttaw ruħhom mis-sitwazzjoni.

 

Madankollu, kompla l-Papa, xi ħadd minnkom jista’ jgħidli: Imma, padre, dawn in-nies kienu josservaw il-liġi; fil-jum tas-Sibt ma kinux jimxu aktar minn mitt metru – jew, ma nafx, kemm kellhom permess jimxu – qatt u qatt ma kienu jmorru fuq il-mejda mingħajr ma jaħslu jdejhom u jagħmlu r-riti tal-purifikazzjoni l-oħra; kienu nies li josservaw bir-reqqa u ċerti ħafna mit-tradizzjonijiet tagħhom.

Minnu, kompla jgħid, imma fid-dieher biss.  Kienu jidhru qawwijin, imma minn barra.  Kienu “fil-ġibs”.  Qalbhom kient dgħajfa ħafna, ma kienux jafu fiex qed jemmnu  U b’hekk, minn barra, ħajjithom kienet kollha regolata, imma qlabhom kienet sejra band’oħra: qalb dgħajfa u l-ġilda “fil-ġibs”, iebsa.

 

Għall-kuntrarju, Ġesù jgħallimna li n-Nisrani għandu jkollu qalbu robusta, qalb solida, qalb li tikber fuq il-blat, li hu Kristu, u mbagħad, fil-mod kif timxi, timxi bil-prudenza.  Mhux timxi skont id-daqqa.  Hekk għandha timxi l-qalb, il-qalb mhix għan-negozju, il-blat mhux għan-negozju.  Il-blata hi Kristu, dan ma ninnegozjawhx!

 

Dan hu d-dramm tal-ipokrisija ta’ dawn in-nies, kompla Franġisku.  Ġesù qatt ma nnegozja qalbu, il-qalb ta’ Iben Alla, imma kien miftuh għan-nies u jfittex kif se jgħinhom.

 

U aħna ninħbew wara l-iskuża li dik ma tistax tagħmilha: id-dixxiplina tagħna, id-duttrina tagħna tgħidilna li ma nistgħux nagħmluha!  Hekk kienu jgħidu huma: Għaliex id-dixxipli tiegħek jieklu l-qamħ tal-kampanja, filwaqt li qed jimxu fil-jum ta-Sibt?  Ma jistgħux jagħmluh dan!  Kienu riġidi fid-dixxiplina tagħhom.  Id-dixxiplina ma tistax tintmiss, id-dixxiplina hija sagra!

 

Il-Papa Franġisku fakkar meta l-Papa Piju XII kien ħelisna mis-sawma tant riġida ta’ qabel it-tqarbin.  Forsi xi wħud minnkom jiftakruha, qal il-Papa.  Lanqas kont tista’ tieħu qatr’ilma, u jekk taħsel snienek trid toqgħod attent li ma tiblax l-ilma!

Bħala tifel, żied jgħid il-Papa, niftakarni mmur inqerr għax tqarbint meta kelli d-dubju li blajt qatra ilma!  Meta Piju XII bidel id-dixxiplina kien hemm min akkużah b’ereżija! Le! Bidel id-dixxiplina tal-Knisja!  Kien hemm tant Fariżej li skandaliżżaw ruħhom, għax Ġesù ra l-ewwel x’jeħtieġu n-nies.  Povri nies, speċjalment fis-sħana!  Dawk il-povri saċerdoti li kienu jqaddsu tlett quddisiet, l-aħħar waħda fis-siegħa ta’ wara nofs inhar, sajmin!  Id-dixxiplina tal-Knisja!  U dawn il-Fariżej hekk kienu, bid-dixxiplina, bil-ġilda riġida, imma Ġesù jgħidilhom: għandkom qalbkom tinten, intom debboli, debboli sa tintnu.  Qalbkom tinsab fid-dlam.

Dan hu d-dramm ta’ dawn in-nies u Ġesù jikkundanna din l-ipokrisija u dan l-opportuniżmu.

 

Ħajjitna wkoll tista’ ssir hekk, kompla l-Qdusija Tiegħu.  U xi kultant, nistqarr magħkom, meta kont nara xi Nisrani, xi Nisranija bħal dawn, b’qalb debboli, qalb li mhux mistrieħa fuq il-blata, Ġesù, u b’tant riġidità tad-dieher biss, kont nitlob lill-Mulej: Imma Mulej, itfgħalhom quddiemhom qoxra ta’ banana biex jiżolqu waħda sew, jistħu li huma midinbin u b’hekk jiltaqgħu miegħek, Int li int is-Salvatur.

Tant drabi id-dnub iġegħelna nistħu ħafna u niltaqgħu mal-Mulej li jaħfrilna, bħalma kienu dawk il-morda li kienu jmorru għand il-Mulej biex ifejjaqhom.

Imma n-nies sempliċi, osserva l-Papa, ma kinux jiżbaljaw, minkejja dak li kienu jgħidluhom id-dutturi tal-liġi, għax in-nies kienu jafu u kellhom fihom ix-xamma tal-fidi!

 

Il-Papa temm l-omelija b’talba: Nitlob lill-Mulej il-grazzja li qalbna tkun sempliċi, imdawla bil-verità li jtina Hu, biex hekk inkunu twajba, naħfru, nifhmu lill-oħrajn, ta’ qalb kbira man-nies, nuru ħniena.  Qatt ma nikkundannaw, qatt u qatt.  Jekk għandek aptit tikkundanna, ikkundanna lilek innifsek, għax xi raġuni biex tagħmel hekk ikun hemm żgur! 

 

Nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex itina dan id-dawl ġewwieni li jikonvinċina li l-blata hi Hu biss u mhux il-ħafna stejjer li aħna nagħmluhom qieshom xi ħaġa importanti, u biex Hu jurina t-triq, jakkumpanjana fiha, ikabbrilna qlubna biex fihom ikunu jistgħu jidħlu l-problemi ta’ tant nies u Hu jtina l-grazzja li dawn il-Fariżej ma kellhomx: il-grazzja li nħossu li aħna midinbin.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.