Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ma jeżistix nisrani mingħajr Knisja, nisrani li jimxi waħdu, għax Ġesù stess daħal fil-mixja tal-poplu tiegħu.

Il-Ħamis, 15 ta' Mejju 2014

 

Ma jeżistix nisrani mingħajr Knisja, nisrani li jimxi waħdu, għax Ġesù stess daħal fil-mixja tal-poplu tiegħu: dan qalu l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

 

Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-ġurnata biex jispjega li meta jħabbru lil Ġesù, l-Appostli ma jibdewx minnu imma mill-poplu.  Infatti, osserva l-Papa, Ġesù ma jinftiehemx mingħajr din  l-istorja, għax hu propju l-għan ewlieni tagħha, l-għan li lejh sejra u miexja l-istorja.

 

Għalhekk, kompla jgħid, nisrani li hu ‘l barra mill-poplu t’Alla ma jagħmilx sens.  Il-kristjan mhux in-numru wieħed, imma jagħmel parti minn poplu: il-Knisja.  In-nisrani mingħajr il-Knisja hi ħaġa purament idealistika, mhix reali.

 

Iżda n-nisrani waħdu ma jinfthiehemx daqskemm ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Kristu f’iżolament.  Ġesù Kristu ma waqax mis-sema qiesu eroj li ġie biex isalvana.  Le.  Ġesù Kristu għandu storja.  U nistgħu ngħidu, u dan hu veru: Alla għandu storja, għax ried li jimxi magħna.  U ma nistgħux nifhmu lil Ġesù Kristu mingħajr l-istorja.  B’hekk, kristjan mingħajr storja, kristjan mingħajr poplu, kristjan mingħajr Knisja, ma jinfthihemx.  Ikun qiesu xi ħaġa tal-laboratorju, xi ħaġa artifiċjali, ħaġa li ma tistax tagħti l-ħajja.
 

Imbagħad, il-poplu t’Alla, żied jgħid Franġisku, jimxi ma’ wegħda.  Din hi dimensjoni importanti, dejjem preżenti fil-ħajja tagħna: id-dimensjoni tal-memorja.

In-nisrani hu memorja tal-istorja tal-poplu tiegħu, memorja tal-mixja li għamel il-poplu tiegħu, memorja tal-Knisja tiegħu.  Il-memorja…. Il-memorja tal-passat kollu.  U dan il-poplu fejn sejjer?  Lejn il-wegħda definittiva.  Huwa poplu li miexi lejn il-milja: poplu magħżul li għandu wegħda għall-futur u miexi lejha, lejn it-twettiq ta’ din il-wegħda.  Hu għalhekk li nisrani fil-Knisja hu bniedem ta’ tama: tama fil-wegħda.  Din mhix xi sorpriża li se tiġi għal għarrieda: le u le!  Hi xi ħaġa oħra: hija tama.  It-tama li ma tqarraqx.

 

Meta jħares lura, qal il-Papa, in-nisrani hu persuna ta’ memorja: jitlob il-grazzja tal-memorja, dejjem.  Meta jħares ‘il quddiem huwa bniedem ta’ tama.  Fil-preżent, in-nisrani jimxi t-triq ta’ Alla u jġedded il-Patt ma’ Alla.  Il-ħin kollu jgħid lill-Mulej: Iva, irrid il-kmandamenti, irrid il-volontà tiegħek, irrid nimxi warajk.  Hu bniedem ta’ patt u dan il-patt aħna niċċelebrawh ta’ kuljum fil-quddiesa.  Għalhekk in-nisrani hu bniedem Ewkaristiku.

Il-Papa temm l-omelija b’dan il-kliem:

 

Naħsbu, jagħmilna tajjeb naħsbu dan illum, dwar kif inhi l-identità nisranija tagħna.  L-identità nisranija tagħna hi appartenenza ma’ poplu: il-Knisja.  Mingħajr dan aħna m’aħniex insara.  Aħna dħalna fil-Knisja bil-magħmudija: hemmhekk sirna nsara.  Għaldaqstant irid ikollna d-drawwa li nitolbu l-grazzja tal-memorja, il-memorja tal-mixja li għamel il-poplu t’Alla.  Anki l-memorja personali: x’għamel Alla miegħi, f’ħajti, kif mexxieni….

 

Nitolbu l-grazzja tat-tama.  It-tama mhix ottimiżmu, le u le!  Hi xi ħaġa oħra.  Hija t-talba biex naqilgħu l-grazzja li kuljum inġeddu l-Patt mal-Mulej li sejħilna.  Jalla l-Mulej itina dawn it-tliet grazzji li huma meħtieġa għall-identità nisranija.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.