Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-fidi m’għandhiex tkun ħaġa kożmetika, li jgħodd hija l-karità konkreta

It-Tlieta, 14 ta' Ottubru 2014

 

Ħajjitna hi ħajja kristjana kożmetika, li tidher, jew hi ħajja kristjana ta’ fidi mhedija fil-karità?  Il-Papa Franġisku staqsa din id-domanda fi tmiem l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappellla tad-Dar Santa Marta.  Il-fidi, afferma l-Papa, mhix biss li tgħid il-Kredu imma titlob minna li nitbegħedu mix-xeħħa u r-rgħiba biex nagħrfu nagħtu lil-oħrajn, speċjalment jekk huma fqar.

 

Il-fidi m’għandhiex bżonn apparenza imma konkretezza.  M’għandhiex bżonn li tkun imlibbsa l-kortesija, speċjalment il-kortesija ipokrita, daqskemm il-ħila li tħobb b’mod ġenwin.

 

Il-Papa Franġsiku ħa l-ispunt mill-Vanġelu tal-ġurnata – dak tal-Fariżew li jiskanta li Ġesù m’għamilx ir-riti tal-ħasil ta’ qabel l-ikel – biex itenni li Ġesù jikkundanna dak it-tip ta’ sikurezza mibnija fuq il-ħarsien eżatt tal-liġi.

 

Ġesù jikkundanna din l-ispiritwalità kożmetika, li wieħed jidher tajjeb, sabiħ, imma l-verità ta’ ġo fih hi xi ħaġa differenti għal kollox.  Dawn in-nies kienu jħobbu jippassiġġaw fil-pjazzez, jidhru li qed jitolbu, jilgħabuha tad-dgħajfa meta jkunu sajmin – kellhom fidi ta’ dak li jidher.  Għaliex il-Mulej hu hekk?  Hawnhekk insibu żewġ aġġettivi li jiddeskrivu l-attitudni: rgħiba u kattiverja.

Oqbra mbajda, jgħidilhon Ġesù fl-istess pass kif irrakkuntat minn San Mattew; ċerti atteġġjamenti li Hu b’mod aħrax isejħilhom “korrotti”.  Agħtu l-karità minn dak li għandkom ġewwa  hija l-kontro-proposta ta’ Ġesù.

 

Il-karità, fakkar il-Papa, hija parti mit-tradizzjoni tal-Bibbja kemm fit-Testment l-Antik u wkoll fil-Ġdid, il-paragun tal-ġustizzja.  Pawlu wkoll, fil-qari tal-lum jiddiskuti l-istess punt mal-Galatin, ir-rabta tagħhom mal-liġi.  U r-riżultat huwa l-istess għax il-liġi waħdeha ma ssalvax, insista l-Papa Franġisku.

 

Dak li jgħodd hija l-fidi.  Liema fidi?  Dik il-fidi li titħaddem permezz tal-karità.  L-istess diskors ta’ Ġesù lill-Fariżew.  Fidi li ma tieqafx biss tirreċita l-Kredu: aħna lkoll nemmnu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu, fil-ħajja ta’ dejjem….. ilkoll nemmnuh dan!

 

Imma dik hi fidi statika, li ma titħaddimx.  Dak li jgħodd fi Kristu hija l-ħidma  li tiġi mill-fidi jew aħjar il-fidi li titwettaq fil-karità, dik li tagħti l-elemożina, fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma: li wieħed jinqata’ mid-dittatura tal-flus, mill-idolatrjia tal-flus.  Kull tip ta’ rgħiba tbegħedna minn Ġesù Kristu.

 

Il-Papa Franġisku fakkar episodju mill-ħajja ta’ Padre Arrupe, il-ġeneral tal-Ġwżwiti mis-snin sittin sas-snin tmenin.  Jum wieħed, mara sinjura stednitu jmur xi mkien biex ittih il-flus għall-missjoni fil-Ġappun, ħaġa li padre Arrupe kien qed jitħabat ħafna għaliha. Il-mara tatu l-flus fil-bieb tad-dar quddiem il-ġurnalisti u l-fotografi.  Padre Arrupe stqarr li ħassu umiljat ħafna imma aċċetta l-flus minħabba l-foqra tal-Ġappun.  Meta fetaħ l-envelop sab għaxar dollari!

 

Ejjew nistaqsu lilna nfusna jekk il-ħajja nisranija tagħna hix kożmetika, apparenza, jew hix ħajja ta’ fidi mħaddma fil-karità.  Ġesù jtina dal parir, temm Franġiksu:  Iddoqqux trombi.  It-tieni parir hu: tagħtux dak li jibqgħalkom u jkellimna dwar ix-xwejħa li tat dak kollu li kellha biex tgħix bih.  Ġesù jfaħħarha lil dik il-mara li għamlet dak li għamlet bil-moħbi, forsi għax stħat li ma setgħetx tagħti aktar.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.