Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

In-nisrani qatt mhu wieqaf imma dejjem miexi biex jasal qabel id-diffikultà.

Il-Ġimgħq, 14 ta' Frar 2014

 

In-nisrani qatt mhu wieqaf imma dejjem miexi biex jasal qabel id-diffikultà, afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta' dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Fl-okkażjoni tal-festa tal-qaddisin patruni tal-Ewropa Ċirillu u Metodju, il-Qdusija Tiegħu iddeskriva l-identità tad-dixxiplu u wissa li l-Vanġelu għandu jitħabbar bil-ferħ għax bit-tgergir mhux se nagħmlu xi pjaċir lill-Mulej.  Il-Papa wissa wkoll li għandna nirreżistu t-tentazzjoni li qalb l-ilpup insiru lpup aħna wkoll.

 

Kif għandu jkun id-dixxiplu ta' Ġesù?  Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-figuri ta' Ċirillu u Metodju biex jispjega l-identità tan-nisrani.  Hu u jikkummenta l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli qal minnufiħ li n-nisrani hu “mibgħut”.  Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu u jistedinhom jibqgħu mexjin 'il quddiem.  Dan ifisser, osserva, li n-nisrani hu dixxiplu ta' Kristu f'mixja, mixja li tieħdu dejjem 'il quddiem.

 

Ma nistgħux nimmaġinaw nisrani statiku għax in-nisrani wieqaf ikun marid, fl-identità nisranija tiegħu għandu xi marda.  In-nisrani hu dixxiplu miexi, dejjem għaddej.  Imma fl-aħħar, il-Mulej, (smajnih dan fis-salm), jibgħat: Morru fid-dinja kollha ħabbru l-Vanġelu.  Morru.  Imxu.  Hekk hu: l-ewwel atteġġjament tal-identità nisranija hi l-mixja, mixja, anki jekk tiltaqa' mad-diffikultajiet, tmur lil hinn minnhom.

 

Dan hu dak li ġralu Pawlu f'Antjokja tal-Pisidja, fejn kien hemm diffikultà mal-komunità Lhudija u għalhekk marru l-pagani.  Ġesù, fakkar il-Papa, għamel stedina biex immorru f'salib it-toroq u nistiednu lil kulħadd, lit-tajbin u lill-ħżiena.  Hekk jgħid il-Vanġelu, tenna Franġisku: anki lill-ħżiena!  Kulħadd!  Għalhekk in-nisrani jimxi u jekk jiltaqa' mad-diffikultajiet, imur lil hinn minnhom biex iħabbar li s-Saltna t'Alla hi fil-qrib.
 

It-tieni aspett tal-identità tan-nisrani, żied jgħid, hi li n-nisrani irid jibqa' dejjem ħaruf.  In-nisrani, reġa' saħaq, huwa ħaruf u għandu jżomm din l-identità.  Il-Mulej jibgħatna bħan-nagħaġ qalb l-ilpup.  Imma xi ħadd jista' jissuġġerixxi li nużaw il-forza kontrihom.  Naħsbu f'David, osserva l-Papa, meta kellu jitqagħbad mal-Filistew, riedu jlibbsuh bl-armaturi kollha ta' Sawl u ma setax jiċċaqlaq.  B'hekk, spjega Franġisku, ma baqax hu, ma baqax it-tfajjel umli, is-sempliċi David.  Fl-aħħar qabad l-iżbandola u rebaħ il-battalja.
 

Bħall-ħrief... ma nsirux ilpup... għax kultant it-tentazzjoni tkun li naħsbu: imma dan diffiċli, dawn l-ilpup moħħhom jilħqilhom u jien se nkun makakk aktar minnhom, eh?  Ħaruf.  Mhux iblaħ, imma ħaruf.  Ħaruf.  Bl-intelliġenza ta' nisrani imma ħaruf.  U għax int il-ħaruf ,Hu jiddefendik.  Imma jekk inti tħossok qawwi daqs il-lupu, Hu ma jiddefendikx, iħallik waħdek u l-ilpup jiekluk ħaj.

 

It-tielet aspett ta' din l-identità hu l-istil tan-nisrani, jiġifieri l-ferħ.  L-insara, afferma l-Papa, huma persuni li jifirħu għax jafu lill-Mulej u jwassluh.  U, wissa Franġisku, in-nisrani ma jistax jimxi mingħajr ferħ, ma jistax jimxi bħall-ħaruf mingħajr ferħ.  Anki fil-problemi, fid-diffikultajiet, fl-iżbalji u d-dnubiet, hemm dejjem il-ferħ ta' Ġesù li jaħfer u jgħin.  Allura l-Vanġelu għandu jibqa' miexi 'l quddiem imwassal minn dawn il-ħrief mibgħuta mill-Mulej li dejjem miexi, bil-ferħ.

 

L-insara li r-ritmu tagħhom hu bilmod u qerriedi, li jgħixu dejjem hekk, igergru dwar kollox u bil-geddum, ma jagħmlu ebda pjaċir la lill-Mulej u lanqas lill-Knisja.  Dan mhux l-istil tad-dixxiplu.  Lill-insara Santu Wistin jgħidilhom: Mur, imxi, kanta u imxi!  Bil-ferħ: dan hu l-istil tan-nisrani, li jħabbar il-Vanġelu bil-ferħ.  Il-Mulej imbagħad jagħmel kollox.  Iżda l-ħafna gdiedem, anki l-qrusa jwassluna ngħixu dak li nsejħulu kristjaneżmu mingħajr Kristu..  Is-Salib ineżża' lill-insara li hemm jibku quddiem il-qabar, bħal Madalena, imma meżżgħin mill-ferħ li sabu lill-Irxoxt.

 

Fil-festa taż-żewġ dixxipli nsara Ċirillu u Metodju, afferma mill-ġdid il-Papa Franġisku, il-Knisja tridna nirriflettu fuq l-identità nisranija.  In-nisrani, żied jgħid, qatt ma jieqaf, hu bniedem dejjem miexi, dejjem jasal qabel id-diffikultajiet.  U jimxi, tenna, bħal ħaruf. Mhux imkabbar bil-ħiliet tiegħu, hu bniedem li jimxi fil-ferħ.

 

Il-Mulej, temm il-Papa, bl-interċessjoni ta' dawn iż-żewġ aħwa qaddisin, patruni tal-Ewropa, itina l-grazzja li ngħixu ta' nsara li jimxu bħall-ħrief u bil-ferħ.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.