Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Is-Saltna t’Alla tikber fis-satra, mhix spettaklu

Il-Ħamis, 13 ta' Novembru 2014

 

Is-Saltna t’Alla tikber kuljum bis-saħħa tax-xhieda li tingħata mingħajr “ħsejjes”, bit-talb u b’ħajja ta’ fidi impenjata fil-familja, fuq ix-xogħol jew fil-komunità li wieħed ikun jiforma parti minnha.  Kliem il-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu.

 

Fis-satra, forsi anki f’dar fejn sal-aħħar tax-xahar ikun fadal biss ħamsin ċenteżmu, madankollu fejn qatt ma jonqsu t-talb u l-kura tal-ulied u n-nanniet.  Hemmhekk tinsab is-Saltna t’Alla; bogħod mill-ħsejjes.  Għax is-Saltna t’Alla ma tiġbidx attenzjoni fuqha, l-istess bħalma jiġri liż-żerriegħa li tkun taħt l-art.

 

Il-Papa għamel omelija fuq is-silta mill-Vanġelu ta’ San Luqa fil-liturġija tal-lum fejn naqraw li l-Fariżej jistaqsu lil Ġesù: Meta se tiġi s-saltna t’Alla?

Ġesù jwieġeb: Għad jasal jum meta jgħidulkom”Arawh, hemm hu”, “Hawn hu”; tmorrux, tiġrux warajhom!.  Is-Saltna t’Alla, qal il-Papa, mhix spettaklu.  Ħafna drabi l-ispettaklu huwa karikatura tas-Saltna t’Alla.

 

Il-Mulej qatt ma jgħid li s-Saltna t’Alla hija spettaklu.  Hija festa, imma differenti!  Ċertament hija festa sabiħa ħafna, festa kbira u fil-ġenna se jkun hemm festa, imma mhux spettaklu.  Iżd aminħabba li aħna bnedmin debboli, nippreferu l-ispettaklu.

Bosta drabi, kompla jgħid il-Papa Franġisku, l-ispettaklu huwa ċelebrazzjoni bħal, ngħidu aħna xi tieġ – li min jieħu sehem fih, aktar milli jmur jirċievi Sagrament, imur biex jagħmel spettaklu tal-moda, biex jidher, għall-vanità.

 

Iżda, tenna l-Papa, is-Saltna t’Alla hija silenzjuża, tikber ġewwa.  Ikabbarha l-Ispirtu s-Santu bid-disponibbiltà li ntuh aħna, fl-art tagħna, fl-art li nħejju aħna.  Imbagħad, żied jgħid il-Papa bi kliem Ġesù, anki għas-Saltna jasal il-waqt tal-manifestazzjoni tal-qawwa, imma dan isir biss meta jintemmu ż-żminijiet.

 

Il-jum li fih jinstemgħu l-ħsejjes, ikun bħas-sajjetta, jleħħ u jixghel is-sema min-naħa għal oħra.  Hekk se jkun Bin il-Bniedem fil-jum tiegħu, fil-jum li fih jagħmel ħoss.  U meta aħna naħsbu dwar il-perseveranza ta’ tant insara, li jrabbu l-familja, irġiel u nisa li jieħdu ħsieb uliedhom, in-nanniet u sal-aħħar tax-xahar ikun fadlilhom biss ħamsin ċenteżmu ta’ Ewro, imma xorta waħda jibqgħu jitolbu, hemmhekk tinsab is-Saltna t’Alla, moħbija, f’dik il-qdusija tal-ħajja ta’ kuljum, il-qdusija ta’ kull ġurnata.  Għax is-Saltna t’Alla mhix bogħod minna, hija qrib!  Din hi waħda mil-karatteristiċi tagħha: li hi qribna kull ġurnata li tgħaddi!

 

Anki meta jiddeskrivi l-manifestazzjoni u l-glorja tat-tieni miġja tiegħu, Ġesù mill-ewwel iżid li għad irid ibati ħafna u jkun miċħud minn din il-ġenerazzjoni.

Dan ifisser, qal il-Papa, li anki t-tbatija, is-salib, is-slaleb tal-ħajja ta’ kuljum – is-salib tax-xogħol, tal-familja, tat-tmexxija għaqlija tal-affarijiet – dawn is-slaleb żgħar ta’ kuljum huma parti mis-Saltna t’Alla.

 

Nitolbu l-Mulej il-grazzja li nikkuraw is-Saltna t’Alla li tinsab fina, bit-talb, bl-adorazzjoni, bis-servizz tal-karità, fis-silenzju.  Is-Saltna t’Alla, temm il-Papa, hija umli bħaż-żerriegħa: umli imma tikber ħafna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Kull ma jeħtiġilna nagħmlu hu li nħallu l-Ispirtu jinżel fina, jibdlilna ruħna u jmexxina ‘l quddiem fis-silenzju, fil-paċi, fil-kalma, fil-qrubija lejn Alla, lejn l-oħrajn, bl-adorazzjoni lil Alla, mingħajr spettakli.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.