Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta l-Mulej ikun irid jafdalna missjoni, jippreparana biex nagħmluha tajjeb.

Il-Ġimgħa, 13 ta’ Ġunju 2014

 

Meta l-Mulej ikun irid jafdalna missjoni, jippreparana biex nagħmluha tajjeb.  It-tweġiba tagħna għandha tkun mibnija fuq it-talb u l-fedeltà.  Dan kien fil-qosor il-ħsieb ewlieni tal-omelija li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

 

Jum wieħed jista’ jkollna kuraġġ li neħduha kontra l-idolatrija biex inservu ‘l Alla u l-jum ta’ wara nħossuna depressi sal-punt li nkunu nixtiequ mmutu għax, fil-qadi tal-missjoni tagħna, sibna lil xi ħadd li beżżgħana.

 

Biex ikun hemm bilanċ bejn dawn iż-żewġ estremi tal-forza u tad-dgħjufija umana, hemm, u jibqa’ jkun hemm dejjem, Alla, basta nilbqgħu fidili lejH.

 

Din hi l-istorja tal-Profeta Elija, li nsibu d-deskrizzjoni tagħha  fil-Ktieb tas-Slaten li l-Papa Franġisku ħa bħala mudell tal-esperjenza ta’ kull bniedem li għandu l-fidi.

Din is-silta liturġika ċelebri turina lil Elija fuq il-muntanja Oreb meta jirċievi l-istedina biex joħroġ minn ġol-għar fejn kien qiegħed u jmur quddiem il-Mulej Alla.  Meta jgħaddi l-Mulej, jinħassu wara xulxin riħ qawwi, terremot u jidher in-nar.   Imma Alla ma jimmanifestax ruħu f’ebda wieħed minn dawn il-fenomeni.

Imbagħad tinħass żiffa ħelwa u hemm, fakkar il-Papa Franġisku, Elija jagħraf lil hu għaddej il-Mulej.

 

Il-Mulej la kien riħ qawwi, la terremot u lanqas nar, imma kien f’dik iż-żiffa ħelwa, fil-paċi jew, kif jgħid it-test oriġinali b’espressjoni sabiħa ħafna: Il-Mulej kien f’ħajta silenzju li jinstama’.  Tidher kontradizzjoni: kien f’dik il-ħajta silenzju li jinstama’.  Elija jaf jiddixxerni fejn jinsab il-Mulej, u l-Mulej iħejjih bid-don tad-dixxerniment.  Imbagħad itih il-missjoni.

 

Il-missjoni li Alla jagħti lil Elija hi li jidlek lis-Sultan ta’ Iżrael u lill-profeta l-ġdid li kien imsejjaħ biex jieħu post Elija nnifsu.  Il-Papa Franġisku ġibed l-attenzjoni fuq id-delikatezza u s-sens ta’ paternità li bihom dan ix-xogħol ingħata lil bniedem li minkejja l-qawwa u ż-żelu tiegħu, fil-mument, jidher tellief.  Il-Mulej, afferma l-Papa, iħejji r-ruħ, iħejji l-qalb u jlestihom għall-prova, iħejjihom bl-ubbidjenza u fil-perseveranza.

 

Meta l-Mulej ikun irid itina missjoni, biċċa xogħol, iħejjijna għaliha.  Iħejjijna biex nagħmluha tajjeb l-istess kif ħejja lil Elija.  U l-aktar ħaġa importanti f’dan kollu mhix il-fatt li hu ltaqa’ mal-Mulej: le u le,.  L-importanti hi t-triq kollha biex jasal għall-missjoni li Alla fdalu.

 

U din hi d-differenza bejn il-missjoni appostolika li jtina Alla u biċċa xogħol oħra.  Ah, int trid tagħmel din il-biċċa xogħol, biċċa xogħol umana, onesta, tajba.  Meta l-Mulej itina missjoni dejjem jgħaddina minn proċess, proċess ta’ purifikazzjoni, proċess ta’ dixxerniment, proċess ta’ ubbidjenza, proċess ta’ talb.

 

Il-fedeltà lejn dan il-proċess, kompla jgħid il-Papa, tfisser li aħna nħallu lill-Mulej imexxina.  F’dal-każ, bl-għajnuna t’Alla, Elija jegħleb il-biża li kienet qanqlet fih ir-Reġina Ġeżagħel, li kienet hedditu li se tolqtlu.

 

Din kienet reġina kattiva u kienet toqtol lill-għedewwa kollha tagħha.  U hu jibża’.  Imma l-Mulej hu aktar qawwi.  Imma jurih li anki hu, minkejja li kbir u bravu, ukoll għadnu bżonn l-għajnuna tal-Mulej u ta’ tħejjija għall-missjoni.

 

Naraw dan: hu jimxi, jobdi, isofri, jiddixxerni, jitlob, isib ‘il-Mulej.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nħalluh iħejjina kuljum fil-mixja ta’ ħajjitna biex nagħtu xhieda tas-salvazzjoni li ġabilna Ġesù.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.