Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Alla jħobbna bħalma tħobb l-omm, nibżgħu għall-grazzja

Il-Ħamis, 11 ta’ Diċembru 2014

 

Alla hu bħall-omm, iħobbna gratwitament, imma aħna spiss irridu nikkontrollaw din il-grazzja qiesha kienet xi merċa spiritwali, qal il-Papa dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta

 

Lill-poplu tiegħu Alla ma jsalvahx mill-bogħod imma jersaq qribu bit-tenerezza.  Il-Papa għamel dan il-paragun: Tant hu qribna Alla li jippreżenta ruħu qiesu omm, qiesu omm li tiddjaloga ma’ uliedha: omm li tkanta n-ninna nanna lit-tarbija u timita’ leħinha, tiċċekken bħalha u titkellem bit-ton tagħha sal punt li tidher ridikola kieku aħna ma nifhmux il-kobor ta’ dawn il-ġesti:  “tibżgħax dudu ċkejken ta’ Ġakobb!”  Kemm-il darba omm tuża kliem bħal dan ma wliedha hi u żżiegħel bihom? 

 

Alla jagħmel l-istess.  Dik hija t-tenerezza ta’ Alla.   Tant hu qrib tagħna li jesprimi ruħu b’din it-tenerezza: it-tenerezza ta’ omm.

Għal din l-imħabba Alla ma jitlob xejn lura minn għandna, afferma l-Papa – kif tagħmel omm ma uliedha.  U l-iben iħalli lill-ommu tħobbu… din hi l-grazzja t’Alla.

 

Imma bosta drabi, biex aħna nħossuna komdi, żguri, irridu nikkontrollaw dil-grazzja u kemm fl-istorja kif ukoll f’ħajjitna għandna t-tentazzjoni li l-grazzja nagħmluha oġġett ta’ merċa, nagħmluha xi ħaġa li nistgħu nikkontrollawha forsi billi ngħidu lilna nfusna: Jien għandi tant grazzji, jew jien qalbi nadifa, qiegħed fil-grazzja.

 

B’hekk din il-qrubija ta’ Alla li tant hi sabiħa tispiċċa fil-kotba tal-kontijiet spiritwali.  Jiena se nagħmel dan għax naqla 300 mitt jum ta’ grazzji… jien se nagħmel dak għax se niggwadanja minnu u b’hekk nakkumula l-grazzji.

Imma l-grazzja x’inhi, biċċa merċa, staqsa l-Papa Franġisku?  Donnu hekk jidher.  Tul l-istorja, din il-qrubija ta’ Alla mal-poplu tiegħu sfat ittraduta minħabba l-atteġġjement egoista, il-kontroll tal-grazzja, il-grazzja meqjusa bħal biċċa merċa.

Il-Papa fakkar min kienu dawk il-gruppi li fi żmien Ġesù riedu jikkontrollaw il-grazzja: il-Fariżej, skjavi ta’ tant liġijiet li kienu jgħabbu fuq spallejn il-poplu;  is-Saduċej bil-kompromessi politċi tagħhom;  l-Esseni, twajbin, twajbin ħafna imma beżgħanin tant li ma kienu jieħdu ebda riskju u kienu jispiċċaw iżolati fil-monasteri tagħhom;   iż-Żeloti li għalihom il-grazzja t’Alla kienet il-gwerra tal-ħelsien mir-Rumani: kollha huma modi kif il-grazzja ssir oġġett.

 

Il-grazzja t’Alla hi ħaġ’oħra: hija qrubija, hija tenerezza.  Din ir-regola tgħodd dejjem.  Jekk fir-relazzjoni tiegħek mal-Mulej ma tħossx li Hu jħobbok bit-tenerezza, jonqsok xi ħaġa, għadek ma fhimtx x’inhi l-grazzja, għadek ma rċevejtx il-grazzja li hi dil-qrubija.

 

Il-Papa rrakkonta storja dwar mara li marret tqerr għandu snin ilu, mara li kienet mifxula għax daħlet fid-dubju jekk il-quddiesa ta’ tieġ li semgħet is-Sibt bil-qari differenti minn dak tal-Ħadd, kinitx tgħoddilha għall-preċett.  Il-Papa kien qalilha: imma sinjura, Alla jħobbok tant, int mort hemm, tqarbint, kont ma’ Ġesù.. Serraħ rasek, il-Mulej mhux kummerċjant, imma jħobbok u hu qribek.

 

San Pawl għandu reazzjoni qawwija kontra din l-ispiritwalità tal-liġi: Jien tajjeb jekk nagħmel hekk jew hekk u jekk ma nagħmlux nonqos mill-ġustizzja.

Imma inti ġust għax Alla hu qribek, għax iżiegħel bik u jgħidlek tant affarijiet sbieħ bit-tenerezza.  Din hi l-ġustizzja tagħna, din il-qrubija ta’ Alla, din it-tenerezza, din l-imħabba.  Anki jekk jirriskja li jidher ridikolu Alla xorta huwa twajjeb ħafna.

 

Kemm ikollna ħelsien spiritwali akbar kieku aħna jkollna l-kuraġġ li niftħu qlubna għal din it-tenerezza ta’ Alla, stqarr Franġisku!

Il-Papa temm l-omelija b’rakkomandazzjoni: meta tkunu d-dar illum aqbdu l-Bibbja f’idejkom, sibu l-ktieb tal-Profetas Iżaija, kapitlu 41 vrus minn 13 sa 20, seba’ b’kollox, u aqrawhom.  Din hi t-tenerezza ta’ Alla, dan hu Alla li lil kull wieħed u waħda minna jbenninna bin-ninna nanna bħalma tagħmel l-omm.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.