Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

L-insara m’għandhomx jibdlu s-servizz f’poter

It-Tlieta, 11 ta' Novembru 2014

 

Dejjem meħtieġa ġlieda kontra t-tentazzjonijiet li jbegħduna mis-servizz lejn il-proxxmu.  Hekk wissa’ l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa qal li, bħal Ġesù, għandna naqdu mingħajr ma nitolbu xejn lura u tenna li m’għandniex nibdlu s-servizz li nagħtu fi “struttura ta’ poter”.

 

Ġesù jitkellem dwar il-qawwa tal-fidi, imma mill-ewwel jispjega li din irridu narawha fid-dawl tas-servizz.  Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-Vanġelu li jitkellem dwar “il-qaddej” biex jirrifletti dwar xi jfisser is-servizz għan-nisrani.

Ġesù, qal il-Papa, jitkellem dwar dan il-qadej li wara li jkun ħadem il-ġurnata kollha, x’ħin jasal id-dar, minflok jistrieħ irid jibda’ jagħti servizz lil sidu.

Xi ħadd minna għandu mnejn jagħti parir lil dan il-qaddej biex imur għand il-Union għall-parir dwar kif għandu jittratta sid bħal dan.  Imma Ġesù jgħid: Le, is-servizz hu totali għax kien Hu stess li wera din it-triq  bl-atteġġjament ta’ qadi; Hu, qaddej!  Hu jippreżenta ruħu bħala qaddej, dak li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi.  Dan jgħidu ċar.

 

B’hekk il-Mulej juri lill-Appostli t-triq ta’ min ikun irċieva l-fidi, dik il-fidi li tagħmel il-mirakli.  Iva, din il-fidi tagħmel il-mirakli meta timxi fit-triq tal-qadi.

Il-Papa kompla jgħid li n-nisrani li jkun irċieva d-don tal-fidi fil-Magħmudija u ma jsaħħahiex bil-qadi, isir nisrani mingħajr forza, ma jkunx għammiel.  Fl-aħħar, wissa’ l-Papa, isir nisrani għalih innifsu, biex jaqdi lilu nnifsu.  Ħajtu ssir dwejjaq. Tant hwejjeġ kbar tal-Mulej jinħlew.

 

Il-Papa żied jgħid li l-qadi hu wieħed, ma nistgħux naqdu żewġ sidien: jew Alla jew il-flus.  Aħna nistgħu nitbegħdu minn dan is-servizz l-ewwelnett minħabba l-għażż.  L-għażż iberred il-qalb għax jagħmlek komdu.

L-għażż ibegħedna mill-qadi u jressaqna lejn il-kumdità, lejn l-egoiżmu.  Hawn tant insara hekk…. Huma tajbin, imorru l-quddies, imma l-qadi ……bl-imqieta.   Meta ngħid servizz, żied Franġisku, irrid nifhem servizz sħiħ: servizz lil Alla bl-adorazzjoni, bit-talb, bit-tifħir; servizz lill-proxxmu meta jkun meħtieġ minni, sal-aħħar, għax Ġesù f’dan juri l-qawwa tiegħu u jgħid: Meta tkunu għamiltu dak kollu li jkunu ordnawlkom, intom tistgħu tgħidu “aħna qaddejja inutli”.  Servizz b’xejn, mingħajr ma nitolbu xejn lura.

 

Possibiltà oħra li tista tbegħedna mill-atteġġjament tal-qadi hi meta aħna nsiru padruni tas-sitwazzjoni, żied il-Papa.  Xi ħaġa hekk ġrat lid-dixxipli wkoll, lill-istess Appostli, kompla jgħid.  Bdew ikeċċu n-nies biex ma jdejqux lil Ġes…… imma biex huma jkunu komdi huma.

 

Id-dixxipli għamlu ruħhom sidien taż-żmien tal-Mulej, ħadu f’idejhom is-setgħa tal-Mulej: rieduh jibqa’ għalihom biss, ikun tal-grupp żgħir tagħhom.  U b’hekk, huma ħatfu f’idejhom dan l-atteġġjament ta’ servizz u bidluh fi struttura ta’ poter.

Dan nifhmuh meta naraw id-diskussjoni dwar min kien l-akbar bejn Ġakbu u Ġwanni.  U ommhom, żied il-Papa, li tmur titlob lill-Mulej biex uliedha jkunu wieħed il-prim ministru u l-ieħor il-ministru tal-ekonomija, bis-setgħa kollha f’idejhom.

 

Dan jiġri anki llum meta l-insara jsiru sidien tal-fidi, padruni tas-saltna t’Alla, padruni tas-salvazzjoni.  Dan isir, u hija tentazzjoni għall-insara kollha.  Iżda, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, il-Mulej ikellimna dwar il-qadi: il-qadi bl-umiltà, il-qadi fit-tama, għax dan hu l-ferħ tal-qadi nisrani.

 

Fil-ħajja jeħtiġilna nitqagħbdu kontra t-tentazzjonijiet li jbegħduna minn dan l-atteġġjament ta’ servizz.  L-għażż iressaqna lejn il-kumdità: qadi bin-nofs’ u meta aħna nsiru sidien tas-sitwazzjoni u minn qaddej insir padrun, dan iressaq lejn is-suppervja, il-kburija u nibdew nittrattaw ħażin lill-oħrajn, inħossuna importanti “għax jien nisrani u għandi s-salvazzjoni”….. u tant affarjiet bħal dawn.

 

Jalla l-Mulej itina dawn iż-żewġ grazzji kbar: l-umiltà fil-qadi, biex fl-aħħar inkunu nistgħu ngħidu: Aħna qaddejja inutli, imma qaddejja, sal-aħħar; flimkiem mat-tama fl-istennja tal-manifestazzjoni meta l-Mulej jiġi għalina., temm l-omelija l-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.