Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ġesù mhux professur li jitkellem minn fuq il-katedra, imma jinsab fost in-nies.

Il-Ħamis , 11 ta' Settembru 2014

 

Nistgħu nimxu wara Ġesù bis-serjetà, biss, jekk ikollna l-ħniena fi qlubna.  Din kienet l-affermazzjoni tal-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa tenna li l-ħajja tan-Nisrani mhix ħajja awtoreferenzjali imma hija għotja sal-aħħar, mingħajr egoiżmu.  Hekk biss ikun possibbli li nħobbu lill-għedewwa tagħna kif jitlobna nagħmlu Ġesù.

 

Il-Papa Franġisku żvolġa l-omelija b’riflessjoni dwar il-pass tal-Vanġelu ta’ San Luqa li fih il-Mulej juri t-triq tal-imħabba mingħajr kundizzjonijiet.  Ġesù, qal il-Papa, jgħidilna biex nitolbu għal min jittrattana ħażin b’enfasi fuq il-verbi: ħobbu, għamlu l-ġid, bierku, itolbu u tirrifjutawx.

 

Ifissru l-għotja tagħna nfusna, li nagħtu qlubna propju li min jixtiqilna d-deni, lil min weġġgħani, lill-għedewwa.  Din hi n-novità tal-Vanġelu.  Infatti Ġesù jurina li mhemm ebda mertu li nħobbu lil min iħobbna għax anki l-midinbin jagħmlu hekk.

Imma l-Insara huma msejħin biex iħobbu lill-għedewwa tagħhom: agħmlu l-ġid u isilfu mingħajr ma tistennew xejn lura, mingħajr interess, u l-ħlas tagħkom ikun kbir.  Ċertament, ammetta l-Papa, il-Vanġelu hu novità, novità diffiċli biex tqiegħda fis-seħħ.  Imma dak ifisser li timxi wara Ġesù.

 

“Padre, jien ma nħossx li għandi nagħmel hekk!”.  “Imma jekk ma tħossx dan, hi problema tiegħek għax il-mixja Nisranija din hi!”  Din hi l-mixja li jgħallimna Ġesù.  U x’għandi nittama?  Morru fit-triq ta’ Ġesù, li hi t-triq tal-ħniena: ikollkom ħniena bħalma għandu ħniena l-Missier tagħkom.  B’qalb mimlija ħniena biss nistgħu nagħmlu dak li jgħidlina nagħmlu l-Mulej.  Sal-aħħar.  Il-ħajja tan-Nisrani mhix ħajja awtoreferenzjali; hija ħajja li toħroġ minnha nfisha biex tingħata lill-oħrajn.  Hija rigal, hija mħabba, u l-imħabba ma ddurx lura lejha nfisha, mhix egoista: tingħata.

 

Ġesù, kompla l-Papa, jitlob minna l-ħniena u jgħidilna biex ma niġġudikawx.  Tant drabi donnu jidher li aħna nħtarna mħallfin fuq l-oħrajn… bit-tqassis, bis-seksik… niġġudikaw lil kulħadd!

 

Iżda l-Mulej jgħidilna: Tiġġudikawx biex ma tkunux iġġudikati.  Tikkundannawx biex ma tkunux ikkundannati.  U fl-aħħar jitlobna naħfru biex inkunu maħfura.  Kuljum, fakkar Franġisku, dan ngħiduh fit-talba tal-Missierna: aħfrilna kif aħna naħfru.  Jekk jien ma naħfrix kif nista’ nitlob lill-Missier: aħfirli?

Din hi l-ħajja Nisranija.  Imma se tgħiduli: Padre, din hi bluha!.  Iva, dal-ġranet smajna lil San Pawl jgħidilna l-istess: Il-bluha tas-Salib ta’ Kristu, li m’għandha x’taqsam xejn mal-għerf tad-dinja.

 

Allura, tistaqsuni: biex inkun Nisrani, f’ċertu sens, irrid insir iblah?  Iva, f’ċertu sens.  Ifisser li niċħad il-ħżunija tad-dinja biex nagħmel dak kollu li jgħidli Ġesù, li jekk noqogħodu nagħmlu l-kontijiet donnu jidher li jduru kontrija.

Imma din hi, wissa l-Papa, it-triq ta’ Ġesù: il-qalb kbira, il-ġenerożità; l-għotja tiegħek innifsek mingħajr limiti.  Hu għalhekk, żied jgħid, li Ġesù ġie fid-dinja, u Hu hekk għamel: ingħata, ħafer, ma qal xejn ħażin dwar ħadd, ma ġġudikax.  Mhux faċli tkun Nisrani, iċċara l-Papa, u ma nistgħux insiru Nsara bil-ħiliet tagħna biss imma bil-grazzja t’Alla.

 

U hawn naslu għat-talba li għandna nagħmlu kuljum: Mulej, tini l-grazzja li nsir Nisrani tajjeb, Nisranija tajba, għax waħdi ma nasalx.

Meta taqra din is-silta tal-Vanġelu l-ewwel darba, tbeżżgħek.  Imma ejjew naqbdu l-Vanġelu u naqraw it-tieni, it-tielet, u anki r-raba’ darba dan il-kapitlu sitta ta’ San Luqa u nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nifhmu xi jfisser li tkun Nisrani, u anki l-grazzja li Hu jagħmilna Nsara.  Għax waħedna ma naslux, temm l-omelija l-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.