Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Skandli qatt, maħfra dejjem, fidi soda.

It-Tnejn, 10 ta' Novembru 2014

 

Kull nisrani, hi x’inhi l-vokazzjoni tiegħu, għandu jkun jaf jaħfer u qatt ma jagħti skandlu, għax l-iskandlu jeqred il-fidi.  Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni fil-kummenti dwar il-qari tal-quddiesa tal-lum, waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Aħjar tintefa’ l-baħar b’ġebla tat-tħin ma’ għonqok.  Ġesù jippreferi juża din ix-xbieha iebsa minflok espressjoni aktar mielsa meta jgħid lid-dixxipli x’jaħseb dwar min jagħti skandlu lill-oħrajn, speċjalment jekk dawn ikunu persuni dgħajfa.

Franġisku bena l-omelija billi, mill-Vanġelu tal-ġurnata, silet tliet kelmiet li huma l-qofol tal-qari: skandlu, maħfra, fidi.  Kristu jafferma bla tlaqliq: Gwaj għal min jagħti skandlu.  Filwaqt li fl-ittra lil Titu, San Pawl jagħti indikazzjonijiet preċiżi dwar kif għandu jkun l-istil tal-ħajja tas-saċerdot – mhux vjolenti imma mqit – fi kliem ieħor, li ħadd ma jkollu xi jgħid fih, jiġifieri l-oppost ta’ skandlu.

 

Imma dan, żied il-Papa, jgħodd għall-insara kollha.  L-iskandlu, kompla jgħid, ifisser li tistqarr u tgħix stil ta' ħajja “ta’ nisrani” imma l-atteġġjamenti tiegħek ikunu pagani bħal min ma jemmen f’xejn.  Dan jagħti skandlu għax ikun nieqes mix-xhieda, filwaqt li l-fidi mistqarra, saħaq il-Papa, hija l-mod kif tgħix.

 

Meta nisrani jew nisranija, li jmorru l-knisja, fil-parroċċa, ma jgħixux dak li jemmnu jkunu qed jagħtu skandlu.  Kemm-il darba smajna lil min jgħid: Jien ma mmurx il-knisja għax aħjar ngħix onestament id-dar mingħajr ma mmur milli mmur u nagħmel ċerti affarijiet bħalma jagħmlu dawk li jmorru.

 

L-iskandlu jiddistruġġi, jeqred il-fidi!  Hu għalhekk li Ġesù hu tant iebes: Oqgħodu attenti!  Oqgħodu attenti!.  Jagħmlilna tajjeb inħarsu dan illum u nirrpetuh: Attenti għalina nfusna!  Ilkoll kemm aħna nistgħu niskandaliżżaw.

Bl-istess mod ilkoll kemm aħna għandna nkunu nafu naħfru.  U naħfru “dejjem”, insista l-Papa li kien qed jirrepeti kliem Ġesù meta jistedinna biex naħfru “anki seba’ darbiet kuljum”, jekk min għamlilna tort, jitlobna l-maħfra għax jisgħob bih.

Il-Papa Franġisku osserva li Ġesù jesaġera biex ifehemna kemm hi mportanti l-maħfra, għax nisrani li ma jafx jaħfer jagħti skandlu: mhux kristjan!

 

Aħna rridu naħfru għax aħna maħfura.  Dan jinsab fit-talba tal-Missierna.  Ġesù għallimulna hemm.  Fil-loġika umana dan ma’ jinftiehemx.  Il-loġika umana ma tridx maħfra, trid il-vendetta; twasslek għall-mibgħeda, għall-firda.  Kemm familji huma mifruda għax ma jridux jaħfru lil xulxin!  Ulied mifrudin mill-ġenituri tagħhom, mżżewġin bogħod minn xulxin!  Importanti ħafna li naħsbu hekk: jekk jiena ma naħfirx, m’għandix, jidher li m’għandix, dritt li nkun maħfur inkella ma fhimtx xi jfisser li l-Mulej ħafirli.  Din hi t-tieni kelma: il-maħfra.

Allura nifhmu, kompla l-Papa, għaliex, meta semgħu dan, id-dixxipli talbu lill-Mulej biex ikattrilhom il-fidi.

 

Mingħajr il-fidi ma nistgħux ngħixu bla ma niskandaliżżaw, ma jirnexxilniex naħfru dejjem.  Biss, irridu nħallu l-fidi ddawwalna, dik il-fidi li aħna rċevejna: il-fidi f’Missier ħanin, f’Iben li ta ħajtu għalina, fi Spirtu li jgħammar fina u jgħinna nikbru, il-fidi fil-Knisja, il-fidi fil-poplu t’Alla, mgħammed, qaddis.

 

Dan hu rigal, temm l-omelija l-Papa Franġisku, il-fidi hija rigal.  Ħadd ma jista’ jkollu l-fidi mill-kotba jew mill-konferenzi.  Il-fidi hija rigal t’Alla li tasal għandek u għalhekk l-Appostli talbu lil Ġesù: “kattar fina l-fidi!”.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.