Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Niskopru mill-ġdid is-sens tas-sagru, il-misteru tal-preżenza reali ta’ Alla fil-Quddiesa.

It-Tnejn, 10 ta' Frar 2014

Niskopru mill-ġdid is-sens tas-sagru, il-misteru tal-preżenza reali ta’ Alla fil-Quddiesa: din hija l-istedina tal-Papa Franġisku matul iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.

Il-liturġija tal-lum kienet tittratta teofanija oħra fi żmien ir-re Salamun. Il-Mulej niżel bħal fi sħaba fuq it-Tempju li mtela bil-glorja t’Alla. Il-Mulej – ikkummenta l-Papa – jkellem lill-Poplu tiegħu b’ħafna modi: permezz tal-profeti, is-saċerdoti, l-Iskrittura Mqaddsa. Iżda bit-teofaniji jitkellem b’mod ieħor, differenti mill-Kelma: hija preżenza differenti, aktar qrib, mingħajr medjazzjoni. Hija l-preżenza tiegħu. Dan – spjega l-Papa – hu dak li jseħħ fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. Iċ-ċelebrazzjoni liturġika mhijiex att soċjali, att soċjali tajjeb; mhijiex laqgħa ta’ dawk li jemmnu biex jitolbu flimkien. Hija xi ħaġa oħra. Fil-liturġija, Alla huwa preżenti, iżda hija preżenza aktar qrib. Fil-Quddiesa, fil-fatt, il-preżenza tal-Mulej hija reali, tassew reali. Meta aħna niċċelebraw il-Quddiesa, ma nagħmlux rappreżentazzjoni tal-Aħħar Ċena: le, mhijiex rappreżentazzjoni. Hija xi ħaġa oħra: hija tassew l-Aħħar Ċena. Hija li ngħixu għal darb’oħra l-Passjoni u l-mewt tal-Mulej li ssalva. Hija teofanija: il-Mulej ikun preżenti fuq l-altar biex jiġi offrut lill-Missier għas-salvazzjoni tad-dinja. Aħna nħossu jew ngħid: Imma issa jien irrid immur nisma’ l-quddies. Il-quddies ma nisimgħuhiex, il-quddies nieħdu sehem fiha, f’din it-teofanija, f’dan il-misteru tal-preżenza tal-Mulej fostna.

Il-Presepju, il-Via Sagra, huma rappreżentazzjonijiet – kompla jispjega l-Papa – iżda l-quddiesa hija tifkira reali jiġifieri teofanija: Alla jersaq qribna u qiegħed magħna u aħna nieħdu sehem mill-misteru tal-Fidwa. B’xorti ħażina – qal il-Papa – tant spiss waqt il-quddiesa nħarsu lejn l-arloġġ, ngħoddu l-minuti. Mhux dan l-atteġjament li titlob minna l-liturġija: il-liturġija hija ħin ta’ Alla u spjazju ta’ Alla, u aħna rridu npoġġu lilna nfusna hemm, fil-ħin ta’ Alla, fl-ispazju t’Alla u ma nħarsux lejn l-arloġġ.

 

Il-liturġija hija propju li nidħlu fil-misteru ta’ Alla, li nħalluh jeħodna fil-misteru u li nkunu fil-misteru. Hawnhekk il-Papa indirizza lill-fidili preżenti għall-quddiesa u qal li forsi hemm min jgħid li jmur għall-quddiesa ta’ Santa Marta biex jara lill-Papa u għax hija parti mill-ġita turistika ta’ Ruma. Iżda kull min jieħu sehem f’quddiesa jidħol fil-misteru. Hija din il-liturġija.
Huwa t-tempju t’Alla, huwa l-ispazu t’Alla, hija s-sħaba t’Alla li tgħattina lkoll.  

 

Il-Papa fakkar li meta kien tifel ċkejken, matul it-tħejjija għall-Ewwel Tqarbina kien hemm innu li kien jgħid li l-artal huwa mħares mill-anġli biex ifisser is-sens tal-glorja t’Alla, tal-ispazju t’Alla, taż-żmien t’Alla. U meta waqt il-provi l-katekisti kienu jeħdulhom l-ostji, kienu jgħidu lit-tfal: dawn mhumiex dawk li se tirċievu fil-quddiesa, dawn ma jiswew xejn għax mhumiex ikkonsagrati. Għalhekk meta niċċelebraw il-liturġija huwa li jkollna l-disponibbiltà li nidħlu fil-misteru t’Alla, fl-ispazju tiegħu, fiż-żmien tiegħu u nintelqu f’dan il-misteru.

Tajjeb jekk illum nitolbu lill-Mulej jagħti lilna lkoll dan is-sens tas-sagru, dan is-sens li jgħinna nifhmu li hija ħaġa li titlob id-dar, li tgħid ir-Rużarju, li titlob fil-Knisja, li tgħid ħafna talb sabiħ, li tagħmel il-Via Sagra, li taqra l-Bibbja iżda hija ħaġa oħra li tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika. Għax fiċ-ċelebrazzjoni nidħlu fil-Misteru ta’ Alla, f’dik it-triq li ma nistgħux nikkontrollaw: huwa l-Wieħed, huwa l-glorja, huwa l-qawwa, huwa l-kollox.
 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.