Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Knisja hija omm, m’għandhiex bżonn organizzazzjoni perfetta

It-Tlieta, 9 ta’ Diċembru 2014

 

Il-ferħ tal-Knisja hi li tkun omm, tmur tfittex n-nagħaġ mitlufa.  Hekk afferma l-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Franġisku żied li l-Knisja m’għandhiex bżonn organiżżazzjoni perfetta jekk imbagħad tkun imdejqa u magħluqa, jekk ma tkunx omm.  Għalhekk il-Papa stedinna biex inkunu Nsara ferħanin bil-faraġ tat-tenerezza ta’ Ġesù.

 

Niftħu qlubna għall-faraġ tal-Mulej.  Għall-omelija l-Papa Franġsiku ħa spunt mill-ewwel qari li fih Iżaija jitkellem dwar it-tmiem tat-tribulazzjonijiet ta’ Iżrael wara l-eżilju fil-Babilonja.  Il-poplu, ikkummenta l-Papa, għandu bżonn il-faraġ.  Il-preżenza tal-Mulej hi faraġ minnha nifisha.  Faraġ li jinsab anki fil-waqt tat-tribulazzjonijiet.

 

Madankollu, aħna spiss naħarbu mill-faraġ, nimtlew bin-nuqqas ta’ fiduċja; inħossuna aktar komdi fl-affarijiet tagħna, aktar komdi anki fin-nuqqasijiet tagħna u fi dnubietna.  Din hi l-għalqa tagħna.  Iżda meta jiġi l-Ispirtu, miegħu jasal il-faraġ, iqiegħdna fi stat ieħor, stat li aħna ma nistgħux nikkontrollawh: l-istat li fih nintelqu għal kollox fil-faraġ li jtina l-Mulej.

 

Franġisku saħaq li l-akbar faraġ jiġi mill-ħniena u l-maħfra.  Il-Papa kkwota tmiem is-sittax-il kapitlu tal-Profeta Eżekjel fejn wara li jagħmel lista tad-dnubiet tal-poplu jgħid: “Imma jien ma nabbandunakx; jien intik aktar: din se tkun il-vendetta tiegħi: il-faraġ u l-maħfra.  Hekk hu magħmul Alla tagħna.

Għal din ir-raġuni tajjeb li nirrepetu: ħalli l-Mulej ifarraġna għax Hu biss jista’ jagħmel dan.  Anki jekk aħna mdorrijin nikru konsolazzjonijiet żgħar, konsolazzjonijiet li nagħmlu aħna stess. imma li ftit iservu. 

 

Minn hawn il-Papa għadda biex jikkummenta l-Evanġelju ta’ San Mattew li jkellimna dwar in-nagħġa l-mitlufa.  Nistaqsi lil nnifsi, qal il-Papa, liema hu l-faraġ tal-Knisja.  L-istess bħalma persuna tħossa mfarrġa meta tħoss il-ħniena u l-maħfra tal-Mulej, il-Knisja tagħmel festa, tkun ferħana, meta toħroġ minnha nfisha.

Dar-ragħaj li joħroġ, li qrajna dwaru fil-Vanġelu, li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa, seta’ għamel il-kontijiet bħal negozjant: jekk għandi 99, nitlef waħda mhix problema; jikkalkola l-bilanċ….  X’jaqla u x’jitlef.  Tajjeb, nistgħu nimxu hekk, hux veru?  Imma le, dak ir-ragħaj għandu qalb, imur ifittixha u meta jsibha jagħmel festa, iħossu ferħan.

 

Il-ferħ li nħossu meta noħorġu nfittxu lil ħutna li huma mbiegħda – dan hu l-ferħ tal-Knisja.  Hemmhekk il-Knisja ssir omm, issir għammiela, afferma l-Papa.

Meta l-Knisja ma tagħmilx dan, meta tieqaf tħares lejha nfisha, tingħalaq fih nifisha, forsi tkun organiżżata tajjeb, imma jonqosha l-ferħ, tonqosha l-festa, tonqosha l-paċi, issir Knisja sfiduċjata, ansjuża, qalbha sewda, Knisja li aktar tkun mara xiħa milli omm.  Din il-Knisja ma tiswa’ għal xejn, hija Knisja tal-mużewijiet.

 

Il-ferħ tal-Knisja hu meta twelled: meta toħroġ minnha nfisha biex tagħti l-ħajja; il-ferħ tal-Knisja hu li tfittex in-nagħaġ il-mitlufa; il-ferħ tal-Knisja hi propju dik it-tenerezza tar-ragħaj, it-tenerezza tal-omm.

 

Fl-aħħar tas-silta minn Iżaija, spjega Franġisku, insibu din it-tixbiha: bħar-ragħaj hu jirgħa l-merħla u b’dirajgħ jiġborha.  Dan hu l-ferħ tal-Knisja, li toħroġ minnha nfisha u ssir għammiela.

 

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, temm il-Papa Franġisku, li naħdmu, li nkunu Nsara ferħanin fil-fekondità tal-Knisja omm u jalla l-Mulej iħarisna milli naqgħu fl-atteġġjament ta’ dawk l-Insara mdejqin, bla sabar, ansjużi li għandhom kollox perfett fil-Knisja imma m’għandhomx “ulied”.  Il-Mulej ifarraġna bil-konsolazzjoni ta’ Knisja Omm li toħroġ minnha nfisha u tfarraġna bit-tenerezza ta’ Ġesù u bil-ħniena u l-maħfra ta’ dnubietna.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.