Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Ġesù mhux professur li jitkellem minn fuq il-katedra, imma jinsab fost in-nies.

It-Tlieta, 9 ta' Settembru 2014

 

Ġesù mhux professur li jitkellem minn fuq il-katedra, imma jinsab fost in-nies u lil min irid imissu biex ifieq, iħallih, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa presjeduta fid-Dar Santa Marta.

 

Fil-kumment dwar l-Evanġelju tal-ġurnata, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni fuq tliet mumenti tal-ħajja ta’ Ġesù.  L-ewwel, it-talb.  Ġesù jgħaddi l-lejl kollu jitlob ‘l Alla.  Ġesù jitlob għalina.  Tidher ftit stramba li Hu, li ġie biex itina s-salvazzjoni, li għandu s-setgħa – osserva l-Papa – jitlob lill-Missier.  Dan jagħmlu spiss għax Ġesù hu l-akbar wieħed li jinterċedi għalina.

 

F’dan il-waqt, kompla jgħid il-Papa, Hu qiegħed quddiem il-Missier jitlob għalina.  Dan għandu jimliena bil-kuraġġ!  Għax fil-mumenti diffiċli jew ta’ bżonn ta’ tant affarijiet, għandna ngħidu: Imma Int qed titlob għalija.  Itlob għalija.  Ġesù, itlob lill-Missier għalija!

 

Dan hu x-xogħol tiegħu illum: li jitlob għalina, għall-Knisja tiegħu.  Aħna spiss ninsewh dan, li Ġesù jitlob għalina.  U l-qawwa tagħna hi din: li ngħidu lill-Missier “Imma jekk Inti ma tħarisx lejna, ħares lejn Ibnek li jitlob għalina”.  Sa mill-ewwel mumenti Ġesù jitlob: talab meta kien fid-dinja u qed ikompli jitlob issa għal kull wieħed u waħda minna, għall-Knisja kollha.

 

Wara li talab, Ġesù għażel lit-tnax-il Appostlu.  Il-Mulej jgħid ċar: Mhux intom għażiltu lili imma jien għazilt lilkom!.   Dan it-tieni waqt, afferma l-Papa, jtina l-kuraġġ: Jien magħżul, lili għażilni l-Mulej!  Fil-jum tal-Magħmudija Hu għażel lili.  U meta ħaseb f’dan, Pawlu qal: Hu għażilni sa minn ġuf ommi.  Għalhekk, aħna l-Insara ġejna magħżulin.

 

Dan hu kollu frott l-imħabba!  L-imħabba ma tħarisx lejn il-wiċċ, jekk hux ikreħ jew sabiħ: imma tħobb!  U Ġesù l-istess jagħmel: iħobb u jagħżel bl-imħabba.  U jagħżel lil kulħadd!  Fil-lista tiegħu mhemm ħadd li hu importanti skont il-kriterji tad-dinja: kulħadd hu bniedem komuni.  Fil-lista hemm bnedmin komuni.  Imma lkoll għandhom ħaġa – iva – li rridu nagħmlu enfasi fuqha, f’kulħadd: ilkoll midinbin.  Ġesù għażel lil midinbin.  Għażel lil min hu midneb.  U din hi l-akkuża li jagħmlulu d-dutturi tal-liġi, l-iskribi: Dan jiekol mal-midinbin, jitkellem mal-prostituti…..  Ġesù jsejjaħ lil kulħadd!

 

Niftakru fil-parabbola tat-tieġ ta’ bin is-sinjur, meta l-mistednin ma marrux għall-festa, x’għamel sid id-dar?  Bagħat lill-qaddejja: Morru u ġibu hawn lil kulħadd!  Tajbin u ħżiena, jgħidilna l-Vanġelu.  Ġesù għażel lil kulħadd!

 

Ġesù, kompla l-Papa, għażel ukoll lil Ġuda l-Iskarjota… li mbagħad sar traditur…..  L-akbar midneb għaliH.  Imma xorta kien magħżul minn Ġesù.

Imbagħad hemm it-tielet waqt: Ġesù qrib in-nies.  Jiġu bil-folol biex jisimugħ u jfiequ mill-mard tagħhom.  Il-folla kollha ppruvat tmissu għax minnu kienet ħierġa qawwa li tfejjaq lil kulħadd.  Ġesù jinsab qalb il-poplu tiegħu.

 

Mhux xi professur, xi għalliem, xi mistiku li jitbiegħed min-nies u jitkellem minn fuq il-katedra, minn hemmhekk!  Le!  Jinsab qalb in-nies: iħalli lil min imissu, iħalli lin-nies jistaqsuh.  Hekk hu Ġesù: qrib in-nies.  U din il-qrubija mhix xi ħaġa ġdida għalih.  Hu juri dan bil-mod kif iġib ruħu, imma hija ħaġa li tiġi mill-ewwel għażla ta’ Alla għall-poplu tiegħU.

 

Alla jgħid lill-poplu tiegħU: Aħsbu ftit, liema poplu għandu Alla daqstant qrib tiegħu bħalma jiena jien?  Il-qrubija ta’ Alla mal-poplu tiegħu hija l-istess qrubija ta’ Ġesù man-nies.

 

Hekk hu magħmul l-Imgħallem tagħna – temm il-Papa Franġisku – wieħed li jitlob, li jagħżel in-nies u wieħed li ma jistħix ikun qrib tan-nies tiegħu.  U dan iżid il-fiduċja tagħna fiH.  Nafdaw lilna nfusna lilU: għax jitlob, għax għażilna, għax hu qrib tagħna.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.