Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Il-Beatitudnijiet huma l-programm prattiku tal-ħajja tan-nisrani. 

It-Tnejn, 9 ta’ Ġunju 2014

 

Il-Beatitudnijiet huma l-programm prattiku tal-ħajja tan-nisrani.  Dan affermaħ il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa tal-bieraħ filgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa għamel omelija dwar il-Beatitudnijiet, u l-għada tal-laqgħa storika għall-paċi fil-Vatikan, irrimarka li jrid ikollok il-kuraġġ tal-manswetudni biex tegħleb il-mibgħeda.

 

Il-Beatitudnijiet huma “l-programm”, il-karta tal-identità tan-nisrani.  Fl-omelija, il-Papa Franġisku għamel meditazzjoni intensa dwar il-Beatitudnijjiet li qrajna fl-Evanġelju tal-bieraħ.

 

Jekk xi ħadd minna, afferma Franġisku, jistaqsi: Kif nagħmel biex insir nisrani tajjeb? Hawnhekk insibu t-tweġiba li jtina Ġesù li jurina tant affarijiet li jmorru kontra l-kurrent ta’ dak li aħna mdorrijin bih u li jsir “fid-dinja”.  Imberkin il-foqra fl-ispirtu.  Il-ġid, wissa l-Papa, ma jtik ebda serħan il-moħħ.  Aktar minn hekk, meta l-qalb hi għanja, tkun tant mimlija biha nnifisha, li m’għandhiex wisa’ għall-Kelma t’Alla.  Imberkin dawk li jibku għax ikunu mfarrġa.

 

Imma d-dinja tgħidilna: il-ferħ, il-feliċità, id-divertiment, dak hu s-sabih tal-ħajja.  U tinjora, iddawwar wiċċha n-naħa l-oħra meta jkun hemm il-problemi tal-mard, problemi ta’ niket fil-familja.  Id-dinja ma tridx tibki, tippreferi tinjora s-sitwazzjonijiet li jnikktu, tgħattihom.  Hi biss il-persuna li tħares lejn l-affarijiet kIf inhuma, li tibki f’qalbha, li tħossha ferħana u titfarraġ.  Il-faraġ ta’ Ġesù mhux dak tad-dinja.

 

Imberkin l-umli, f’din id-dinja, li sa mill-bidu kienet dinja ta’ gwerrer, dinja li tiġġieled, li kull fejn tkun issib fiha l-mibgħeda.  U Ġesù jgħid: le għall-gwerra, le għall-mibgħeda, paċi, manswetudni.

 

Jekk jien inkun umli f’ħajti, l-oħrajn jgħidu li jien iblaħ, żied il-Papa.  Ħallihom jaħsbu li jridu imma int umli għax b’din l-umiltà jkollok l-Art bħala wirt.  Imberjin dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja, beati, żied Franġisku, dawk li jitqagħbdu għall-ġustizzja, li jridu li jkun hawn il-ġustizzja fid-dinja.  Tant hu faċli, widdeb il-Papa, tidħol fil-klikkek tal-korruzzjoni, dik il-politika tal-ġurnata li “ntik biex ittini”.  Kollox hu negozju.  U kemm inġustizzji!  Kemm nies ibatu minħabba dawn l-inġustizzji!

 

U Ġesù jgħidilna: imberkin dawk li jiġġieldu kontra dawn l-inġustizzji.  Imberkin dawk li jħennu għax isibu l-ħniena.  Dawk li jħennu, afferma l-Qdusija Tiegħu, huma dawk li jaħfru, li jifhmu l-iżbalji tal-oħrajn.  Ġesù ma qalx imberkin dawk li jagħmlu l-vendetta, dawk li jivvendikaw ruħhom, żied il-Papa.

Imberkin dawk li jaħfru, li jħennu.  Għax aħna lkoll aħna eżerċtu ta’ nies maħfura!  Ilkoll kemm aħna ingħatatilna l-maħfra.  U għalhekk hu mbierek dak li jimxi fit-triq tal-maħfra.

 

Imberkin dawk li huma safja f’qalbhom, li għandhom qalb sempliċi, pura, mingħajr ħmieġ, qalb li taf tħobb b’dik il-purità tant sabiħa.

Imberkin dawk li jġibu l-paċi.  Imma fostna hu komuni ħafna li nkunu operaturi tal-gwerra jew tal-anqas operaturi tan-nuqqas ta’ ftehim!  Meta jiena smajt xi ħaġa mingħand dak u mort għand l-ieħor biex nirrakkuntalu, u forsi nżejjen xi ftit dak li nkun qed ngħid… id-dinja tat-tqassis.  Dawn in-nies li jqassu, ma jnisslux il-paċi, huma għedewwa tal-paċi.  Mhumiex imberkin!

 

Imberkin dawk li huma persegwitati minħabba l-ġustizzja.  Kemm nies, osserva l-Papa, huma persegwitati sempliċment għax iġġieldu għall-ġustizzja!  Din tal-Beatitudnijiet, żied il-Papa, hija programm, programm tal-ħajja li jipproponilna Ġesù.  Huwa tant sempliċi imma tant diffiċli.  U jekk irridu xi ħaġa aktar, kompla jgħid, Ġesù jtina indikazzjonijiet oħra, il-protokoll li fuqu se niġu ġudikati nsibuh fil-kapitlu 25 tal-Evanġelju ta’ San Mattew:  Kelli l-ġuħ u tmajtuni, kelli l-għatx u sqejtuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.  B’dawn iż-żewġ affarijiet – il-Beatitudnijiet u Mattew 25, nistgħu ngħixu ħajja nisranija fil-livell tal-qdusija.

Ftit kliem sempliċi imma prattiċi għal kulħadd għax il-kristjaneżimu huwa reliġjon prattika; mhux biex naħsbu fuqha imma biex nipprattikawha, inqegħduha fis-seħħ.

 

Illum, jekk ikollkom ftit ħin id-dar, aqbdu l-Evanġelju ta’ San Mattew, il-ħames kapitlu, fil-bidu hemm il-Beatitudnijiet u fil-kapitlu 25 hemm l-oħrajn.  U jagħmlilkom tajjeb taqrawh darba, darbtejn, tlieta.  Imma taqraw dan li hu l-programm tal-qdusija.  Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nifhmu dan il-messaġġ tiegħu, temm il-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.