Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Min fil-Knisja hu msejjaħ biex jamministra s-Sagramenti għandu jħalli spazju għall-grazzja t’Alla u mhux joħloq ostakli “burokratiċi”. 

Il-Ħamis, 8 ta' Mejju 2014

 

Min fil-knisja hu msejjaħ biex jamministra s-Sagramenti għandu jħalli spazju għall-grazzja t’Alla u mhux joħloq ostakli “burokratiċi”.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu waqt il-Quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Huwa Alla li jevanġeliżża, saħaq il-Papa Franġisku.  Din il-verita’ hija l-oppost tal-burokrazija żejda fil-Knisja, burokrazija li xi kultant hija ostaklu għall-persuni li jridu jersqu qrib ta’ Alla.

 

Il-mudell li rridu nħarsu lejh, qal il-Papa Franġisku hu, l-Appostlu Filippu, li s-silta mill-Atti tal-Appostli li ttina l-liturġija tallum, turi t-tliet kwalitajiet ċarissimi li jeħtieġ li jkollu n-nisrani: doċilita’ għall-Ispirtu, djalogu, fiduċja fil-grazzja.

L-ewwel waħda tidher fil-waqt li l-Ispirtu juri lil Filippu li għandu jieqaf minn dak li kien qed jagħmel u jmur jiltaqa’ mal-karrozzella li kienet qed tivvjaġġa bejn Ġerusalemm u Gaża u li fuqha kien hemm il-ministru tar-reġina tal-Etjopja.

Filippu jobdi, huwa mans għas-sejħa tal-Mulej.  Żgur li ħalla warajh ħafna affarijiet li kellu jagħmel, għax dak iż-żmien l-Appostli kienu impenjati ħafna bl-evanġeliżżazzjoni.  Imma ħalla kollox u mar .  Dan jurina li mingħajr din id-doċilta’ għal-leħen tal-Mulej ħadd ma jista’ jevanġeliżża, ħadd ma jista’ jħabbar lil Ġesu’: l-aktar li jkun jista’ jagħmel hu li jħabbar lilu nnifsu!  Huwa Alla li jsejjaħ, huwa Alla li lil Filippu jurih it-triq.  U Filippu jmur, huwa doċli.

 

Għal Filippu, l-laqgħa mal-ministru Etjopiku issir okkażjoni ta’ evanġeliżżazzjoni.  Imma din it-tħabbira, spjega l-Papa Franġisku, mhux xi tagħlima li tiġi minn fuq, impożizzjoni.  Hija djalogu li l-Appostlu jibda b’rispett lejn is-sensibbilta’ spiritwali ta’ dak li kien qed jitkellem miegħu, li kien qed jaqra bla ma jifhem silta mill-Profeta Iżaija.
 

Ma tistax issir evanġelizzazzjoni mingħajr id-djalogu, ma tistax.  Għax int trid titlaq eżatt minn fejn tinsab il-persuna li qed tkun evanġeliżżata.  Kemm hu importanti dan!  Imma, Padre, jintilef wisq żmien, għax kulħadd għandu l-istorja tiegħu, jiġi b’dik u l-oħra, bl-ideat tiegħu..... U jintilef iż-żmien......  Kemm tilef żmien Alla biex ħalaq id-dinja u għamilha tajba, esklama l-Papa!  Id-djalogu.  Taħli ż-żmien mal-persuna l-oħra, għax dik il-persuna hi dik li Alla jridek tevanġeliżżaha, ittiha l-aħbar ta’ Ġesu’: dak hu l-aktar importanti.  Kif inhi dik il-persuna jgħodd, mhux kif suppost għandha tkun: kif inhi issa jgħodd.

 

Il-kliem ta’ Filippu jqanqlu fil-ministru Etjopiku ix-xewqa li jitgħammed u fl-ewwel nixxiegħa ta’ ilma li jsib mat-triq hekk jiġri.  Filippu jamministra l-Magħmudija lill-ministru Etjopiku u jwasslu, osserva l-Papa, f’dirgħajn Alla, fil-grazzja tiegħU.  U min-naħa tiegħu, il-ministru, kompla jispjega, kiseb il-ħila li jxerred il-fidi u forsi dan, jgħinna nifhmu aħjar li l-evanġeliżżatur huwa Alla.

 

Naħsbu fit-tliet mumenti tal-evanġelizzatur, temm jgħid Franġisku: id-doċilita’ għall-evanġelizzazzjoni; li nagħmlu dak li jibgħatna nagħmlu Alla, t-tieni: id-djalogu mal-persuni, imma fi-djalogu rridu nitilqu minn fejn tinsab il-persuna u t-tielet, nafdaw fil-grazzja: hija ferm aktar importanti l-grazzja mill-burokrazija kollha.  Xinhu dak li jifixkel lill-ieħor?  Niftakru dan.  Tant drabi fil-Knisja aħna nkunu ditta li toħloq l-impedimenti u ma tħallix lill-persuni jaslu għall-grazzja.  Jalla l-Mulej jgħinna nifhmu dan.

 

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.