Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Noqogħdu attenti li ma nsirux “insara pagani” għedewwa tas-Salib.

Il-Ġimgħa, 7  ta’ Novembru 2014

 

Illum ukoll jeżistu “insara pagani” li jġibu ruħhom ta’ għedewwa tas-Salib.  Din kienet it-twissija li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta, dalgħodu.  Il-Qdusija Tiegħu tenna li rridu noqgħodu attenti mit-tentazzjonijiet tal-mondanità li jwassluna għar-rovina.

 

Hemm insara li jimxu ‘l quddiem fil-fidi u insara li jġibu ruħhom ta’ għedewwa tas-Salib ta’ Kristu.  Il-Papa tnebbaħ mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin biex jitkellem dwar żewġ gruppi ta’ nsara li għadhom jeżistu llum bħalma kienu jeżistu fi żmien l-Appostlu tal-Ġnus.

 

Iż-żewġ gruppi kienu fil-Knisja, flimkien, imorru fit-tempju, ifaħħru l-Mulej, u jissejħu nsara.  X’kienet allura d-differenza?  Dawn tal-aħħar iġibu ruħhom bħala għedewwa tas-Salib ta’ Kristu.  Dawn huma l-insara mondani, tal-isem, b’xi tnejn jew tliet kwalitajiet insara u xejn iżjed, insara pagani!  Jissejħu nsara imma ħajjithom pagana.

 

Jew, biex ngħiduha mod ieħor, kompla l-Papa, pagani b’żewġ pinzellati żebgħa ta’ kristjaneżmu, biex jidhru li huma nsara, imma huma pagani.

Anki llum hawn ħafna minnhom!  Aħna wkoll irridu noqgħodu attenti biex ma niżżersqux lejn dik it-triq tal-insara pagani, insara fid-dieher.  It-tentazzjoni li nidraw il-medjokrità, il-medjokrità nisranija, hija propju r-rovina, għax b’hekk il-qalb tibred.

 

Lil min hu biered il-Mulej jgħidlu kelma iebsa: Għax int biered jien nobżqok minn ħalqi.  Qawwija ħafna din!  Huma għedewwa tas-Salib ta’ Kristu.  Għandhom l-isem imma ma jimxux mal-eżiġenzi tal-ħajja nisranija.

Pawlu, żied jgħid Franġisku, jitkellem dwar iċ-ċittadinanza tal-insara.  Iċ-ċittadinanza tagħna, osserva l-Papa, tinsab fis-sema.  Għal dawk l-insara hija fl-art, huma ċittadini tad-dinja mhux tas-sema.

 

Ċittadini tad-dinja u kunjomhom hu “mondan!  Ħarsu rwieħkom minnhom, wissa l-Papa.  Kulħadd għandu jistaqsi lilu nnifsu, anki jien,: għandi xi ftit minnhom?  Għandi xi ftit mondanità fija?  Xi ħaġa li hija pagana?

Inħobb niftaħar? Inħobb il-flus?  Jogħġobni nitkabbar, inkun supperv?  Fejn huma l-għeruq tiegħi, jiġifieri ta’ fejn jien ċittadin?  Tas-sema jew tal-art?  Fid-dinja jew fl-ispirtu mondan?

 

Iċ-ċittadinanza tagħna hija fis-sema minn fejn nistennew lil Mulej Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna.  U tagħhom?  Tmiemhom hu t-telfien!  Dawn l-insara mbajda jispiċċaw ħażin……  Imma ejjew inħarsu lejn it-tmiem: fejn se twasslek iċ-ċittadinanza li għandek f’qalbek?  Dik tad-dinja lejn ir-rovina, dik tas-Salib ta’ Kristu lejn il-laqgħa miegħu.

 

Il-Papa mbagħad semma’ xi sinjali li juru li l-qalb tkun miexja lejn il-mondanità.  Jekk inti tħobb jew marbut mal-flus, mal-vanità, mas-sens ta’ kburija, wissa l-Papa, int miexi fit-triq il-ħażina.  Jekk minflok, int tfittex li tħobb lil Alla, isservi lill-oħrajn, jekk int manswet, umli, jekk int qaddej tal-oħrajn, int miexi fit-triq it-tajba.  It-tessera taċ-ċittadinanza tiegħek hija tajba: hija dik tas-sema!  Bil-maqlub, l-oħra hija ċittadinanza li tisfagħlek ħażin.

 

Ġesù, fakkar il-Qdusija Tiegħu, kien jitlob ħafna lill-Missier biex jeħles lid-dixxipli tiegħu “mill-ispirtu tad-dinja”, minn din il-mondanità li twassal għat-telfien.

 

Il-Papa kompla l-omelija bi ħsieb dwar il-parabbola tal-amministratur  li jqarraq b’sidu, li nsibu fil-Vanġelu tal-lum.

Kif wasal dan l-amministratur li naqraw dwaru fil-Vanġelu, sal-punt li jqarraq u jisraq lil sidu?  Wasal mil-lum għall-għada?  Le.  Ftit ftit.  Illum ħa ftit minn hawn, ġurnata oħra ftit flus minn taħt u hekk, ftit ftit wasal għall-korruzzjoni.

It-triq tal-mondanità ta’ dawn l-għedewwa tas-Salib ta’ Kristu hekk hi, twassal għall-korruzzjoni!  Imbagħad nispiċċaw bħal dal-bnidem mhux hekk?  Nisirqu bil-miftuħ…..…..

 

Il-Papa Franġisku mbagħad reġa’ lura għall-kliem San Pawl li jitlob li nibqgħu sħaħ fil-Mulej, mingħajr ma nħallu lil qlubna jiddagħjfu u jegħrqu fil-korruzzjoni.

Hija grazzja sabiħa li nitolbu għaliha din, qal il-Papa, li nibqgħu sħaħ fil-Mulej.  Hemm insibu s-salvazzjoni sħiħa, it-trasfigurazzjoni fil-glorja.  Sħaħ fil-Mulej u bl-eżempju tas-Salib ta’ Kristu: umiltà, faqar, manswetudni, servizz lill-oħrajn, adorazzjoni u talb, temm il-Papa.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.