Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Meta nitolbu m’għandniex ninsew l-istorja tagħna.

It-Tlieta, 7 ta' Ottubru 2014

 

Meta nitolbu m’għandniex ninsew l-istorja tagħna, afferma l-Papa waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Il-Mulej hu dejjem qribna fil-mixja tal-ħajja u l-fidili m’għandhomx iħallu l-impenji tal-ġurnata jaljenawhom tant li jinsew it-talb.

Il-Mulej, qal il-Papa, għażel lill-poplu tiegħu u baqa’ miexi miegħi fid-deżert, tul ħajtu kollha.  Il-Papa beda r-riflessjoni mill-ewwel qari tal-ġurnata li fih San Pawl jiftakar f’dak li għadda minnu matul ħajtu u ma jiddejjaqx jstqarr id-dnubiet tiegħu.

Dak li Alla għamel mal-poplu tiegħu, afferma l-Papa, għamlu ukoll ma’ kull wieħed u waħda minna.  Aħna konna magħżulin, aħna Nsara, staqsa l-Papa, mhux dak li jgħix tant bogħod li lanqas biss sama’ bi Kristu?

 

Hi grazzja qal il-Papa, grazzja ta’ mħabba.  Allura rridu niftakru f’din ir-realtà konkretament, kif għamel Pawlu li stqarr li hu kien persekutur qalil tal-Knisja u ma jgħidx “jien bniedem tajjeb, iben dak….  imma jistqarr li hu kien persekutur u bniedem ħażin.  Pawlu, qal Franġisku, jiftakar fil-mixja tiegħu u jibqa’ jiftakar dak li hu kien qabel.

 

Din id-drawwa tal-fakra ta’ ħajjitna mhix tant popolari fostna,  ninsew l-affarijiet, ngħixu l-mument u mbagħad ninsew l-istorja.  Kull wieħed u waħda minna għandna l-istorja tagħna, storja ta’ grazzja, ta’ dnubiet, storja ta’ mixja….. storja ta’ tant affarijiet.

 

Jagħmlilna tajjeb nitolbu bl-istorja tagħna.  Pawlu, li jirrakkonta l-istorja tiegħu, jgħid ukoll: Hu għażilni.  Hu sejjaħli.  Hu salvani.  Hu kien miegħi tul il-mixja.

Meta niftakru fl-istorja tagħna nkunu qed nigglorifikaw ‘l Alla, żied il-Papa.  Meta niftakru fi dnubietna, li minnhom ġejna meħlusin mill-Mulej, inkunu qed nagħtu glorja lil Alla.

 

Hu għalhekk li Pawlu jgħid li jiftaħar biss b’żewġ affarijiet: dnubietu u l-grazzja ta’ Alla mislub.  Hu kien jiftakar fid-dnubiet tiegħu u kien jiftaħar u jgħid: jiena midneb, imma Kristu msallab salvani, allura kien jiftaħar bi Kristu.  Din kienet il-memorja ta’ Pawlu; din hija l-fakra li aħna mistednin nagħmlu minn Ġesù innifsu.

Meta lil Marta Ġesù jgħidilha: Inti tħabbel moħħok dwar ħafna affarijiet imma hemm bżonn ħaġa waħda u Marija għamlet l-għażla t-tajba, jfisser li aħna nisimgħu lill-Mulej u niftakru.  Ma nistgħux nitolbu kuljum qiesu aħna m’għandna ebda storja warajna.  U b’din l-istorja f’qalbna nitolbu bħal Marija.  Imma tant drabi aħna aljenati bħal Marta, bix-xogħol tal-ġurnata, minn dak li jkollna nagħmlu, u ninsew din l-istorja tagħna.

 

Ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, kompla jgħid Franġisku, ma tibdiex fil-jum ta’ Magħmudija: dakinhar issib is-siġill tagħha, imma bdiet meta Alla, fl-eternità, ħares lejna u għażilna.  Fil-qalb ta’ Alla tibda’ l-istorja tagħna.

 

Għalhekk jeħtiġilna niftakru fl-għażliet tagħna, f’dak li Alla għażel għalina u niftakru fil-mixja tal-patt.  Din il-mixja tal-patt irrisprettajniha jew le?  Aħna midinbin u għandna niftakruh dan u niftakru ukoll fil-wegħda ta’ Alla li ma’ tqarraqx, li hija t-tama tagħna.  Dan hu il-veru talb.

 

Il-Papa temm l-omelija bi stedina biex nitolbu bis-Salm 138: Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.  Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi.

 

Dan hu t-talb, qal il-Papa Franġisku, it-talb ifisser li niftakru l-istorja tagħna quddiem Alla, għax l-istorja tagħna hi l-istorja tal-imħabba tiegħu lejna.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.