Omelija tal-Papa Franġisku

Ferħ fis-sabar

It-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2013

Il-ferħ u l-qawwa tas-sabar nisrani jirrendu l-bniedem iktar żaġħżugħ u jgħinu biex naċċettaw u biex ngħixu bis-sabar it-tribulazzjonijiet u d-diffikultajiet tal-ħajja. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 7 ta’ Mejju, fil-kappella tad-Domus Sanctae Marthae, li għaliha, fost l-oħrajn, ħadu sehem, grupp ta’ kollaboraturi tal-Fabbrika ta’ San Pietru u tal-Mużew tat-Teżor tal-Basilika ta’ San Pietru.

Il-qari tal-jum — meħud mill-Atti tal-Appostli (16, 22-24) u mill-vanġelu ta’ Ġwanni (16, 5-11) — offra l-okkażjoni lill-Papa li jipproponi l-ispirtu ta’ sabar mwettaq         mill-ewwel martri nsara. Dwar dan fakkar ix-xhieda ta’ Pawlu u Sila li, impriġjonati, baqgħu jitolbu u jkantaw innijiet lil Alla. Il-priġunieri l-oħra semgħuhom imgħaġġba: “Imsawta u mimlijin ġrieħi ‘ikantaw, jitolbu.....Nies aktarx strambi!’ Imma huma - spjega l-Papa - kienu fis-sliem. Kienu wkoll ferħana għaliex batew xi ħaġa f’isem Ġesù. Kienu trankwilli. Kienu jkantaw, jitolbu u jbatu. Huma, f’dak il-waqt, kienu f’dak l-istat ta’ qalb tant nisrani: l-istat tas-sabar. Meta Ġesù jibda t-triq tal-Passjoni tiegħu, wara ċ-ċena, ‘jidħol fis-sabar’.”

Tidħol fis-sabar: din hija “t-triq li Ġesù jgħallem lilna l-insara. Tidħol fis-sabar.” Imma dan “ma jfissirx li nkunu mdejqa. Le, le, hija xi ħaġa oħra! Dan ifisser tissaporti, iġgorr fuq spallejk il-piż tad-diffikultajiet, il-piż tal-kontradizzjonijiet, il-piż tat-tribulazzjonijiet.”

Is-sabar nisrani mixhud minn Pawlu u Sila, huwa proċess ta’ maturità nisranija - spjega l-Papa - għal għonq it-triq tas-sabar;” li sabiex jitwettaq huwa meħtieġ iż-żmien. “Huwa bħall-inbid tajjeb” qal b’espressjoni effikaċi, li tistenna bis-sabar “tistenna l-waqt li fih ikun propjament matur.”

Imbagħad reġà ppropona l-eżempju tal-martri li “kienu mimlija ferħ li jmorru jagħtu xhieda ta’ Ġesù. Naħseb, per eżempju, dwar il-martri tal-għolja ta’ Nagasaki: kienu jgħinu wieħed lill-ieħor, kienu jqawwu lil xulxin, kienu jitkellmu dwar Ġesù waqt li jistennew il-waqt tal-mewt. U dwar xi martri Rumani jingħad li kienu jmorru għall-martirju bħal għal tieġ, bħal għal festa, festa ta’ tieġ.” Imma dan ma jfissirx, ippreċiża, li tassumi atteġġjament mażokista: ifisser sempliċement li “tinxteħet fit-triq ta’ Ġesù” li kien l-ewwel wieħed li daħal fid-dimensjoni tas-sabar waqt li ġarrab l-Passjoni tiegħu.

U, quddiem it-tribulazzjonijiet, m’għandniex inċedu għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex “nisrani li jgerger kontinwament” jieqaf li jkun nisrani tajjeb u jsir “is-sinjur jew is-sinjura gergirhielu.” In-nisrani tajjeb jiskopri, għall-kuntrarju, “is-silenzju fis-sabar. Dak is-silenzju ta’Ġesù” li waqt il-Passjoni esprima biss “tnejn jew tliet kelmiet meħtieġa.” Madankollu dan ma kienx silenzju mdejjaq, bħal ma ma kienx imdejjaq is-silenzju ta’ Ġesù li ssaporta s-Salib: “Huwa doloruż, bosta drabi iktar doloruż, imma mhux imdejjaq,” għaliex il-qalb tinsab fis-sliem.

Mela li ġgarrab bħal Ġesù, bil-qalb fil-paċi, jirrendina kuntenti. U xinhija l-oriġini ta’ dan il-ferħ il-Papa spjegaha billi reġà ppropona l-ewwel talba tal-quddiesa tal-jum permezz ta’ liema “il-Knisja tgħid: ‘Jifraħ il-poplu tiegħek, Mulej, għaż-żgħożija mġedda tal-Għid.” Li nmorru fis-sabar iġedded iż-żgħożija tagħna u nsiru iktar żgħażagħ. Il-paċenzjuż huwa dak  li, fit-tul, huwa iktar żagħżugħ! Naħsbu dwar dawk l-anzjani rġiel u nisa fid-dar tas-serħan; dwar dawk li ġarrbu tant fil-ħajja, inħarsu f’għajnejhom: għajnejn żagħżugħa, għandhom spirtu żagħżugħ u żgħożija mġedda. U għal dan jistedinna l-Mulej,” ukoll sabiex “nissaportu wieħed lill-ieħor” b’ “karità u mħabba.”

 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.