Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Dan hu s-sawm li jrid il-Mulej!  Sawm li jagħti każ u jippreokkupa ruħu mill-ħajja ta' ħuħ, li ma jistħix mill-laħam ta' ħuħ. 

Il-Ġimgħa, 7 ta' Marzu 2014

 

Jien nistħi mill-laħam ta' ħija, ta' oħti?  Hija waħda mill-mistoqsijiet li għamel il-Papa Franġisku waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta dalgħodu.  Il-Papa wera li l-ħajja tal-fidi hi marbuta strettament ma' ħajja ta' karità lejn il-foqra, li mingħajra kull ma' nistqarru jkun biss ipokrisija.

 

Il-kristjaneżmu mhux regola mingħajr ruħ, xi ktieb ta' regoli tli jgħid x'inhuma l-osservanzi formali għal nies li jidhru bil-wiċċ formali tal-ipokrisija biex jaħbu qalb vojta mill-karità.  Il-kristjaneżimu hu l-istess “laħam” ta' Kristu li jmil mingħajr mistħija fuq min qed isofri.

 

Biex jispjega din il-kontrapożizzjoni l-Papa  Franġisku kkwota d-djalogu li nsibu fil-Vanġelu tallum bejn Ġesù u d-dutturi tal-liġi li kkritikaw lid-dixxipli għax ma kienux qed isumu bħalhom u bħall-fariżej, li fil-fatt kienu jsumu spiss ħafna. 

Il-fatt hu, osserva l-Papa, li d-dutturi kienu bidlu l-osservanza tal Kmandamenti u rrendewha formalità biex b'hekk bidlu l-ħajja reliġjuża f'waħda etika u nsew l-għeruq, jiġifieri l-istorja tas-salvazzjoni, tas-sejħa u tal-alleanza.

 

Kienu reċevew mingħand il-Mulej l-imħabba ta' Missier, irċevew mingħand il-Mulej l-identità ta' poplu u mbagħad ittrasformawha f'etika u rrifjutaw ir-rigal ta' mħabba.  Dawn in-nies ipokriti huma persuni tajbin, jagħmlu dak kollu li għandhom jagħmlu.  Jidhru tajbin!  Jimxu mal-etika, imma b'etika mingħajr tjubija għax tilfu s-sens ta' appartenenza ma' poplu!  Is-salvazzjoni, il-Mulej itiha fi ħdan poplu, fl-appartenenza ma' poplu.

 

Madankollu, osserva l-Papa, diġà il-Profeta iżaija – fil-pass li rajna fl-ewwel qari – kien iddeskriva ċar x'għandu jkun is-sawm skont il-viżjoni ta' Alla: li ninħallu mill-irbit mal-ħażen, li neħilsu lill-imjassrin, imma wkoll li naqsmu l-ħobż ma' min hu mġewwaħ, nilqgħu f'darna lil min m'għandux saqaf, inlibbsu li min hu għeri.
Dan hu s-sawm li jrid il-Mulej!  Sawm li jagħti każ u jippreokkupa ruħu mill-ħajja ta' ħuħ, li ma jistħix – jgħidha Iżaija stess – mill-laħam ta' ħuħ.  Il-perfezzjoni tagħna, il-qdusija tagħna timxi flimkien mal-poplu tagħna, li fih aħna lkoll imsejħin u li nagħmlu parti minnu.

 

L-akbar att ta' qdusija tagħna jinsab propju fil-laħam ta' ħuna u fil-laħam ta' Ġesù Kristu.  L-att ta' qdusija tallum, tagħna, hawnhekk fuq l-altar, mhux is-sawm ipokrita: hu li nistħux mill-laħam ta' Kristu li jiġi hawn illum!  Hu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm ta' Kristu.  Hu li mmorru naqsmu l-ħobż mal-imġewwaħ, li nikkuraw lill-morda, lill-anzjani, lil dawk li ma jistgħu jtuna xejn lura: dak ifisser li ma nistħux mill-laħam tal-oħrajn!
 

Dan ifisser, afferma l-Papa Franġisku, li s-sawm l-aktar diffiċli hu s-sawm tat-tjubija, is-sawm bħal dak tas-Samaritan it-Tajjeb li jmil fuq il-bniedem miġrugħ, u mhux dak tas-saċerdot li jħares lejn l-istess imsejken imma jibqa' għaddej, forsi minħabba l-biża' li jitniġġes.  Għalhekk, din hija l-proposta tal-Knisja llum: jien nistħi mill-laħam ta' ħija, ta' oħti?
 

Meta nagħti l-elemożina, nitfa' l-munita biex ma mmissx id il-fqir?  U fil-każ li mmissha, niġbed idi lura mill-ewwel?  Meta jien nagħti l-elemożina inħares f'għajnejn ħija, oħti?  Meta naf li persuna hi marida mmur naraha?  Insellmilha bit-tenerezza?  Hemm sinjal li forsi jista' jgħinna: hija mistoqsija – naf inżiegħel bil-morda, bl-anzjani, bit-tfal jew forsi tlift is-sens tat-tgħannieq?

Dawn l-ipokriti ma kienux jafu jgħannqu!  Kienu nsewh dan.....

 

M'għandniex nistħu, temm il-Papa, mil-laħam ta' ħutna: hu l-istess laħam tagħna!  Aħna għad irridu nkunu ġudikati fuq dak li nagħmlu ma' dan ħuna, ma' din oħtna!

 


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.