Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta

Għandna nħabbru l-Vanġelu mingħajr ma napprofittaw ruħna u nitkabbru għax aħna nsara.

Il-Ġimgħa, 7 ta' Frar 2014

Għandna nħabbru l-Vanġelu mingħajr ma napprofittaw ruħna u nitkabbru għax aħna nsara.  Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Ir-riflessjoni li għamel kienet imnebbħa mill-martirju ta' Ġwanni l-Battista.  Franġisku wera li, bħall-Battista, id-dixxiplu veru ta' Kristu jagħżel it-triq tal-umiltà mingħajr pretensjonijiet profetiċi.  Erodi joqtol lil Ġwanni biex jikkuntenta lill-konkubina tiegħu Erdojade u l-kapriċċi ta' bintu.  Il-Papa għamel omelija li fiha tkellem dwar il-mewt traġika tal-Battista kif insibuha rrakkuntata fil-Vanġelu tallum.

 

Gwanni, osserva l-Papa, kien bniedem li għex ħajja qasira, ħajja qasira biex iħabbar il-Kelma t'Alla.  Kien il-bniedem li Alla kien bagħat biex iħejji t-triq għal Ibnu.  U ħajjet Ġwanni tintemm ħażin fil-palazz ta' Erodi li kien qiegħed jiċċelebra b'ikla.  Meta tkun imdawwar mill-ħbieb tal-palazz ikun possibbli tagħmel kollox: korruzzjoni, vizzjijiet, kriminalità, għax is-sitwazzjoni tagħti wisa' għal dan kollu.  X'għamel Ġwanni?  L-ewwelnett ħabbar lill-Mulej.  Ħabbar li s-Salvatur kien qrib, li kienet qrib is-Saltna t'Alla.  Dan għamlu b'enerġija kbira.  Kien jgħammed.  Kien iħeġġeġ lil kulħadd biex jikkonverti.  Kien bniedem qawwi.  U kien iħabbar lil Ġesù Kristu.

 

L-ewwel ħaġa li għamel il-kbir Ġwanni kienet li ħabbar lil Ġesù Kristu.  Ħaġ'oħra li għamel, kompla l-Papa, kienet li ma ppretendiex li hu xi awtorità morali.  Fil-fatt, fakkar il-Papa, Ġwanni kien ingħata l-possibiltà li jgħid: “Jien il-Messija”, għax kellu awtorità morali kbira, in-nies kollha kienu jmorru għandu.  Il-Vanġelu jirrakkonta li Ġwanni kien jgħid lil kulħadd biex jikkonverti.  L-imgħallmin, il-Fariżej kien jagħrfu din il-qawwa.  Kien bniedem rett.  Għalhekk jistaqsuh jekk hux il-messija.  F'dak il-waqt ta' tentazzjoni ta' vanità, seta għamel wiċċu u b'umiltà falza jgħid: “Ma nafx.....”  Minflok, kien ċar: Le minix!  Warajja ġej wieħed li hu qawa minni u li jien ma jitħoqqlix nitbaxxa biex inħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.  Ġwanni, tenna l-Papa,  kien ċar u ma seraq ebda titlu.  Ma għamilx tiegħu dak li ma kienx.  Din, allura, hija t-tieni ħaġa li għamel: kien bniedem tal-verità: tisraqx id-dinjità.

 

It-tielet ħaġa li għamel Ġwanni kienet li imita lil Kristu.  Anki Erodi, li qatlu, kien jemmen li Ġwanni kien Kristu.  Ġwanni, osserva l-Papa, imita lil Kristu l-aktar, għax tbaxxa: Ġwanni umilja ruħu u tbaxxa sal-aħħar, sal-mewt.  U fih hemm ukoll l-istess stil ta' mewt: mewt tal-mistħija għax Ġesù miet bħall-brigant, bħall-ħalliel, bħala kriminali, fuq is-salib. Imwiet umiljanti.  Imma anki Ġwanni għadda mill-”ġnien taż-żebbuġ” tiegħu: id-diqa ta' qalb fil-ħabs, meta ħaseb li kien żbalja u bagħat lid-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: Għidli, int hu jew żbaljajt u jrid jiġi ħaddieħor?  Id-dalma tar-ruħ, id-dlam li jsaffi bħal Ġesù fil-ġnien taż-żebbuġ.

 

Ġesù wieġeb lil Ġwanni bl-istess tweġiba li tah il-Missier: ikkonfortah.  Dik id-dalma tal-bniedem ta' Alla.  Bħalissa, ikkummenta l-Papa, qed naħseb dwar id-dalma tar-ruħ tal-beata Tereża ta' Calcutta.  Ah!, il-mara li kienet imfaħħra mid-dinja kollha, rebbieħa tal-Premju Nobel!  Imma hi kienet taf li f'mument twil ta' ħajjitha, ġo fiha kellha biss dlam.

 

Bħala ħabbâr ta' Ġesù Kristu, żied jgħid il-Papa, Ġwanni m'għamilx tiegħu il-profezija.  Hu l-ikona tad-dixxiplu.  Imma, staqsa l-Papa, fejn kienet l-għajn li minnha nixxa dan l-atteġġjament ta' dixxiplu?  F'laqgħa, wieġeb Franġisku stess.  Il-Vanġelu, fakkar il-Qdusija Tiegħu, ikellimna dwar il-laqgħa ta' Marija u Eliżabbetta meta Ġwanni qabeż bil-ferħ fil-ġuf t'ommu.  Kienu kuġini.  Forsi wara kienu ltaqgħu xi drabi.  Imma dik il-laqgħa imliet bil-ferh, b'tant ferh, il-qalb ta' Ġwanni u bidlitu f'dixxiplu.

 

Ġwanni hu l-bniedem li jħabbar lil Ġesù Kristu imma li ma jqiegħedx lilu nnifsu minfloku, jimxi fit-triq ta' Ġesù.  Jagħmlilna tajjeb illum nistaqsu lilna nfusna dwar id-dixxipolat tagħna: inħabbruh aħna lil Ġesù Kristu?  Napprofittaw ruħna jew le mill-fatt li aħna nsara, qiesu dan kien xi privileġġ?  Il-profezija Ġwanni m'għamilhiex tiegħu.  It-tielet: mixjin fit-triq ta' Ġesù Kristu?  It-triq tal-umiljazzjoni, tal-umiltà, li nitbaxxew biex inkunu ta' servizz?

 

U jekk insibu li f'dan m'aħniex sodi nistaqsu lilna nfusna:   meta kien li ltqajt ma' Ġesù Kristu, meta kienet dik il-laqgħa li mlietni bil-ferh?   U nerġa' lura għall-laqgħa, immur lura għall-laqgħa fl-ewwel Galileja.  Ilkoll għandna waħda minn dawn il-laqgħat.  Nirritornaw hemm.  Nerġgħu niltaqgħu mal-Mulej u nixmu 'l quddiem f'dit-triq tant sabiħa, li fiha Hu jikber u aħna niċċekknu, temm l-omelija l-Papa Franġisku.


Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta' Radju Marija, Rabat, Malta.